Filmat: L-Arċisqof jgħid li s-saċerdoti ma jistgħux ma jitkellmux fuq dak li jaraw u jisimgħu fil-ħajja tal-fidi

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=gv8bDEKkt38]

“Ixxandrux il-verità t’Alla għaċ-ċapċip” – l-Arċisqof lis-saċerdoti ġodda
L-Arċisqof Charles Scicluna appella lil disa’ saċerdoti ġodda biex fil-vokazzjoni tagħhom ixandru l-verità t’Alla mhux għaċ-ċapċip, iżda għax ikunu qed jitkellmu minn qalb tal-laħam imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu.
"Ma tistgħux ma titkellmux fuq dak li taraw u tisimgħu fil-ħajja tal-fidi"
Fl-ordinazzjoni tal-presbiterat fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li s-saċerdoti ma jistgħux ma jitkellmux fuq dak li jaraw u jisimgħu fil-ħajja tal-fidi.
Semma kif il-kelma tagħhom ma tistax toħroġ iżjed minn qalb iebsa, iżda minn qalb tal-laħam li tħabbat u tħeġġeġ fidi qawwija.
Sostna li fil-mument tal-għażla bejn Alla u l-bniedem, is-saċerdoti jridu jagħrfu lil min għandhom jagħżlu. Spjegalhom li mhumiex skjavi tal-ebda bniedem. Qalilhom li jridu jwasslu l-libertà minflok il-jasar għax il-Mulej qed jibgħathom ixandru l-aħbar ta’ kompassjoni li tħaddan lil kulħadd.
"Alla qed jafdakom bl-ikbar missjoni"
L-Arċisqof Scicluna semma kif Alla stess għaraf id-djufijiet u l-preġji tagħhom bħala persuni għax jafhom minn ġuf ommhom, u għalhekk qed jafdahom bl-ikbar missjoni li seta’ jagħtihom.  
Żied jgħid li l-Knisja mhijiex qed tagħtihom xi privileġġi iżda l-istess affarijiet li ngħataw lid-dixxipli tal-Mulej, jiġifieri l-ferħ tal-Evanġelu u l-ferħ tas-Salib Imqaddes.
"Dejjem sibu spazju għal kulħadd"
L-Arċisqof Scicluna fakkar kif fl-Għid il-Kbir kulħadd irċieva l-kunsinja tad-dawl, u bl-istess mod is-saċerdoti qed jissieħbu fil-vokazzjoni ta’ Ġesu’. Appellalhom biex f’qalbhom dejjem isibu spazju għal kulħadd, ikunu fejn ikunu jinsabu madwar id-dinja.
Is-saċerdoti l-ġoddda huma Fra Alan Joseph Adami tal-Ordni tal-Predikaturi, Fra Jethro Bajada, Rev. Anton D’Amato,  Rev. Bernard Micallef, Rev. Kenneth Micallef, Fra Kurt Mizzi, Fra Elmar Pace, Rev. Giovann Tabone u Rev. Alex Zammit.
Ritratti: Kurja – knisja.org/ritratti