Filmat: “Kunu saċerdoti ħerqana, qaddisa u leali” – L-Arċisqof

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Scucluna qal lill-erba’ saċerdoti li rċevew l-Ordinazzjoni Presbiterali tagħhom illum sabiex ikunu saċerdoti ħerqana, qaddisa u leali. Dan qalu waqt l-omelija tal-quddiesa li bdiet fid-9.30am fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Fid-diskors tiegħu, Mons. Sciculuna talab lill-erba’ saċerdoti ġodda żgħażagħ sabiex jitlobu għal aktar vokazzjonijiet ġodda għas-saċerdozju u jagħtu ħajjithom sabiex il-ferħ tagħhom fil-Mulej ma jonqosx. Ħeġġiġhom sabiex ma jibżgħux mit-taħbit u t-tgħajjir u jżommu l-ħarsa tagħhom dejjem fuq il-Mulej Imsallab u Rebbieħ. Sostna li għandhom iqisu li l-ubbidjenza tagħhom tkun waħda sinċiera, li s-safa tkun umli u li l-għana tagħhom ikun biss il-Mulej. Talabhom sabiex ifittxu lill-Mulej f’min hu fqir u batut u jħobbu l-proxxmu.

L‑erba’ djakni li se jigu ordnati saċerdoti huma: Peter Ellul mill‑Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il‑Belt Valletta, Jean Gové mill‑Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s‑Sema, il‑Mosta, Aayrton Ray Muscat mill‑Parroċċa ta’ Santa Lucija, l‑Imtarfa, u Matthew Pulis mill‑Parroċċa tal‑Familja Mqaddsa, l‑Iklin.

“Jum l-ordinazzjoni tagħkom huwa opra tal-ħniena tal-Mulej”

L-Arċisqof Scicluna sostna li dan il-jum tal-ordinazzjoni huwa għemil il-Mulej u opra tal-ħniena tiegħu. Qalilhom li l-Mulej se jkun għalihom il-qawwa, għana u salvazzjoni u għalhekk kuljum għandhom iduru b’umiltà ta’ wlied lejn il-Missier u jirrigrazzjawh ta’ din il-grazzja li tagħhom.

Sostna li Alla qed jafdahom minkejja li jaf tajjeb li bħall-appostli huma nies vulnerabbli, “kultant mitluqa għal għonq it-triq tal-biki, vittmi ta’ ħafna dubji u b’qalb sewda.” Mons. Scicluna tenna li Alla jaf li kultant jonqsu mill-fidi u li jistgħu jkunu rashom iebsa, imma xorta waħda jibgħathom fid-dinja bħala xhieda.

Aqra l-omelija sħiħa minn hawn: