Filmat: Ċans sal-Erbgħa biex jintlaħaq qbil bejn l-infermiera u Steward

Aġġornat 12:44 PM

Read in English.

L-MUMN tħabbar direttivi industrijaliId-dettalji: bit.ly/MUMN_Ghawdex

Posted by Newsbook.com.mt on Monday, August 24, 2020

L-unjin tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN tat ċans sa nhar l-Erbgħa li ġej biex jintlaħaq qbil bejn l-infermiera u l-maniġment ta’ Steward Health Care li tamministra tliet sptarijiet f’Malta u Għawdex.

L-unjin qed tesiġi li l-infermiera jingħataw allowance għall-ikel fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech bħal kif jingħata fl-isptarijiet pubbliċi.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fir-Rabat, il-President tal-MUMN Paul Pace ħabbar li mill-14 ta’ Settembru li ġej, għadd ta’ infermiera Għawdxin jaħdmu Malta se jkunu jistgħu jibdew jaħdmu fl-isptar ta’ Għawdex. Newsbook.com.mt huwa infurmat li 15-il infermiera huma fost dan il-grupp li se jibdew jaħdmu Għawdex.

Qal li din se ssir fuq insistenza tal-unjin wara li bdew jiġu ngaġġati infermiera barranin fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex minflok jinġabu ħaddiema Għawdxin li qed jaħdmu Malta. Spjega li sakemm ittieħdet din id-deċiżjoni Steward Health Care għamlu diversi mandati u kawżi fil-Qorti biex ifixxkluhom milli jiġġieldu għad-drittijiet tal-ħaddiema.

Fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Paul Pace qal li l-unjin qed tara li Steward qed jadottaw sistema Amerikana fejn itellgħu lill-unjin il-Qorti għal kull ħaġa. Stqarr li l-Gvern qatt ma daħħal lill-unjins il-Qorti iżda issa din qed issir b’mod regolari mill-maniġment tal-isptar.

Fi stqarrija ppubblikata l-Ħadd, l-MUMN qalet li d-direttivi industrijali se jidħlu fis-seħħ minħabba nuqqas ta’ ftehim ma’ Steward Health Care li l-unjin qalet li qed titratta lill-ħaddiema fit-tliet sptarijiet bħala tat-tieni klassi.

“Qed nistennew mill-Ministeru” – Steward

Fi stqarrija wara li ġiet fi tmiemha l-konferenza tal-MUMN, Steward Health Care qalet li qed tistenna direzzjoni mill-Ministeru għas-Saħħa dwar dawn l-allowances tal-infermiera. Qalu li fil-prinċipju mhumix kontra l-allowances iżda skont Steward, huwa l-Gvern li għandu jiddeċiedi dwar dawn u mhux huma bħala kumpanija privata.

Steward appellaw biex l-infermiera ma jagħmlux id-direttivi askapitu tal-pazjenti l-istess kif skont l-isptar qed jgħid il-pubbliku inġenerali.