Filmat: Il-Libja mhix ‘pajjiż sikur’ għall-iżbark ta’ nies salvati mill-baħar

Read in English.

Il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Ewropej insistew li l-Libja mhix “pajjiż sikur” għall-iżbark ta’ nies salvati fuq il-baħar, u talbu li l-koperazzjoni mal-gwardja tal-kosta Libjana tieqaf.

Dan ħareġ f’dibattitu fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Frontex, tal-UNHCR, tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-NGOs.

L-MEPs insistew li l-UE għandha twaqqaf il-fondi lejn il-Libja biex din timmaniġġja l-migrazzjoni u tħarreġ il-gwardja tal-kosta tagħha, għaliex qed jinkisru d-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti u dawk li jfittxu l-ażil.

Il-parti l-kbira tal-kelliema rrikonoxxew l-isfidi li jaffaċċjaw il-pajjiżi tal-fruntiera li jirċievu l-biċċa l-kbira tal-immigranti u dawk li jfittxu l-ażil li jaħarbu mil-Libja, partikolarment l-Italja u Malta, u enfasizzaw li s-sistema komuni Ewropea tal-ażil għandha bżonn titranġa, b’enfasi fuq is-solidarjetà fost l-istati membri u r-rispett tal-liġi internazzjonali. Oħrajn għamluha ċara li l-istati membri għandhom id-dritt li jipproteġu l-fruntieri tagħhom, speċjalment f’nofs kriżi tas-saħħa bħal dik attwali. Oħrajn iżda kkritikaw l-għeluq tal-portijiet minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u saħqu li li n-nies jitħallew jegħrqu ma tistax titqies soluzzjoni.

Skont il-UNHCR, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja hija estremament ikkumplikata: intensifikazzjoni tal-ġlied, il-kriżi tal-coronavirus u l-għadd għoli ta’ immigranti ekonomiċi, refuġjati u persuni spustati internament li għandhom bżonn għajnuna umanitarja u materjali. Madwar 1,500 persuna għadhom fiċ-ċentri ta’ detenzjoni f’kundizzjonijiet tal-waħx, id-detenzjonijiet arbitrarji għadhom isiru, u ġew sospiżi l-iskemi ta’ risistemazzjoni f’pajjiżi ġirien tal-iktar nies vulnerabbli.

Mill-bidu tas-sena, 3,277 persuna waslu l-Italja bil-baħar u 1,135 f’Malta. Fl-1 ta’ April, l-Operazzjoni navali tal-UE Irini ħadet post l-Operazzjoni Sophia, bl-enfasi tal-Operazzjoni Irini tkun fuq l-infurzar tal-embargo fuq l-armi għal-Libja, f’tentattiv li tikkontribwixxi għall-paċi fil-pajjiż.