Filmat: ‘Aħna lkoll xbieha ta’ Alla, ta’ liema kulur jew razza aħna’ – l-Isqof Galea-Curmi

Knisja.mt/ritratti

Read in English.

Fl-okkażjoni ta’ Jum mil-Migranti u r-Refuġjati, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ħeġġeġ biex negħlbu l-biżgħat, filwaqt li fakkar li kulħadd huwa maħluq fix-xbieha ta’ Alla.

Mons. Galea-Curmi ċċelebra Quddies fil-Knisja tas-Salib Imqaddes fil-Furjana.

Waqt l-omelija huwa tkellem fuq ir-razziżmu. Fakkar kif is-Sinodu Djoċesan ta’ Malta jgħid: ‘Ir-razziżmu hu struttura ta’ dnub li jikkontradixxi l-ħolqien tagħna lkoll indaqs fix-xbieha tal-Ħallieq’. Osserva li fl-aħħar snin il-biżgħat qegħdin joħroġu fil-beraħ. Huwa sostna li hi l-problema mhux għax wieħed ikollu l-biża’ u d-dubji, iżda l-problema qegħda meta wieħed iħalli din il-biża’ tikkundizzjonah. Dan jista’ jwassal biex persuna tingħalaq, issir intolleranti u kultant razzist fi kliem, kummenti u fl-attitudni.

Mons. Galea-Curmi spjega kif il-mogħdrija u l-imħabba lejn il-vulnerabbli toħroġ l-umanità tal-persuna. “Li aħna niftħu lilna nfusna għall-oħrajn ma jfaqqarniex, anzi jagħmilna iżjed għonja u jkabbar l-umanità tagħna,” saħaq l-Isqof Awżiljarju.

Emblemi ta’ esklużjoni

L-Isqof Galea-Curmi rrifletta fuq il-mesaġġ tal-Papa Franġisku għal dan il-jum. Huwa semma kif l-migranti u r-refuġjati minbarra t-tbatija li jgħaddu minnha, ħafna drabi jsibu n-nies iħarsulhom bl-ikraħ. Żied jgħid li dan huwa allarmanti għax ikompli jwitti t-triq ta’ kultura li tarmi lill-bniedem.

“Il‑migranti, ir‑refuġjati, il‑persuni maqlugħin minn għeruqhom u l‑vittmi tat‑traffikar saru emblemi ta’ esklużjoni,” saħaq il-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu.

“Ebda persuna ma għandha tispiċċa fl-iskart tal-istorja”

Mons. Galea-Curmi appella biex il-komunità taħdem ħalli ħadd ma jkun eskluż. Huwa rrefera għall-Evanġelju, fejn nies bħal Lazzru ma tħallewx joqgħodu mal-mejda u kellhom ifittxu l-frak tal-ikla li jaqa’ minn fuq il-mejda. Huwa sostna li l-ebda persuna ma għandha tispiċċa fl-iskart tal-istorja.

L-Isqof Awżiljarju kkuntrasta l-iżvilupp li joħloq l-esklużjoni u l-iżvilupp li jinkludi. Żvilupp li jeskludi jagħmel lill-għonja aktar għonja u lill-fqar aktar fqar. Żvilupp li jinkludi, jirrispetta d-dinjità tal-bniedem u jieħu ħsieb il-ġenerazzjonijiet futuri.

L-Isqof Galea-Curmi fakkar fi kliem Ġesù li qal: ‘dak li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi’. Huwa appella biex wieħed ma jiċċensurax il-kliem ta’ Ġesù b’mod li nitkellmu u ngħixu qisu qatt ma qalu. Fakkar li Ġesù biex negħlbu l-ispirtu individwalista. L-istess spiritu li jwassal biex ikun indifferenti lejn ħaddieħor.

Il-ħidma tal-Knisja mal-migranti u r-refuġjati

Mons. Galea-Curmi tkellem li fost il-ħidma vasta li ssir mill-Knisja f’Malta, hemm il-ħidma mal-migranti u r-refuġjati li ilha għaddejja snin.

Din bdiet permezz tal-Kummissjoni Emigranti. L-Isqof Awżiljarju semma kif ħafna drabi din il-Kummissjoni ħadmet fis-skiet u fil-kwiet. Semma wkoll lil Jesuit Refugee Service, il-Laboratorju tal-Paċi fost diversi voluntiera oħra.