Filmat: “Nixtiequ nagħtu sinjal qawwi ta’ tama lill-poplu kollu” – l-Arċisqof

Filmat: Christoph Schwaiger

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li f’dan il-mument, il-Knisja u l-Istat jixtiequ jagħtu sinjal qawwi ta’ tama lill-poplu kollu.

Waqt żjara ta’ kortesija mill-Prim Ministru Robert Abela fid-Dar tal-Kleru f’Birkirkara fejn intlaqa’ mill-Arċisqof u mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi, Mons. Scicluna wiegħed li l-Knisja se tibqa’ tkun ta’ sostenn totali u se tkompli tikkopera mal-Istat għall-ġid komuni. Fid-Dar tal-Kleru bħalissa jgħixu 47 saċerdot bejn reliġjużi u djoċesani.

L-Arċisqof spjega kif din id-dar issarraf il-kliem fl-għemil ta’ solidarjetà u kura lis-saċerdoti li taw ħajjithom għall-poplu, mhux biss f’Malta imma anke barra.

Filmat: Christoph Schwaiger

Nemmen fil-ħajja u kontra l-abort – Abela

Intant, il-Prim Ministru qal li huwa għażel li jiltaqa’ mal-Arċisqof fid-Dar tal-Kleru għax jemmen f’dak li qed tagħmel il-Knisja f’Malta. Żied li minkejja li jemmen fi stat sekulari jiġifieri li jkun hemm differenza bejn l-Istat u l-Knisja, bejniethom hemm sinerġija fil-qasam soċjali u dak edukattiv.

Robert Abela reġa’ tenna l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abort, dik li sakemm idum Prim Ministru hu, l-abort ma jidħolx Malta.  Abela kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar l-abort kif ukoll dwar dak li kienet qalet is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, li l-embrijun mhuwiex uman.

Dwar ir-reliġjonijiet differenti f’Malta, il-Prim Ministru spjega li minkejja li r-reliġjon kattolika hija mniżżla fil-Kostituzzjoni ta’ Malta bħala r-reliġjon ta’ Malta, kulħadd għandu dritt li jipprattika dak li jemmen fih. 

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ wkoll mal-membri tal-Kunsill tal-Arċisqof. Wara din il-laqgħa, il-Prim Ministru żar ukoll lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP, lid-direttur tad-Dar tal-Kleru Mons. Anton Cassar, is-sorijiet tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu li jieħdu ħsieb lis-saċerdoti anzjani u morda, lill-ħaddiema u s-saċerdoti residenti.

Tista’ tara d-diskors tal-Arċisqof hawn.