33 adolexxenti fir-Renju Unit salvati milli jsiru Foreign Fighter

Inizjattiva sportiva tal-organizzazzjoni Ingliża Unity of Faith wasslet biex 33 żagħżugħ u żagħżugħa żgħar fl-età ma jħallux ir-Renju Unit għas-Sirja biex isiru Foreign Fighters
Dawn iż-żgħażagħ kienu rċevew messaġġi fuq il-mowbajl tagħhom permezz tal-midja soċjali Snapchat.
Kienu ntiżi biex jirradikalizzawhom u jingħaqdu mal-Istat Iżlamiku bħala militanti.
Dan qalu l-psikologu-soċjali Shamender Alwar, minn Londra, li waqqaf il-fondazzjoni Unity of Faith.
Alwar kien kelliem, fost diversi, f’konferenza li saret fil-Parlament Ewropew li trattat ir-radikalizzazzjoni fost il-Musulmani Ewropej u l-isfida tad-de-radikalizzazzjoni.
Skont il-Viċi-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, l-iskop tal-konferenza kien li tagħti spazju għal djalogu u twassal il-messaġġ li l-Iżlam u t-terroriżmu m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin.
Sostna li l-Ewropa għandha tibni fuq djalogu inter-reliġjuż u jeħtieġ li jiġu indirizzati nħawi fi żvantaġġ soċjali fejn militanti qed jirnexxielhom jirradikalizzaw lil żgħażagħ.
Spjega li d-de-radikalizzazzjoni hi diffiċli u tesponi lil dak li jkun għal tpattija imma hi l-uniku mod ’il quddiem.
Fil-konferenza ħadu sehem ukoll esperti nisa fis-settur, omm żagħżugħ maqtul u omm tfajla li ħalliet il-Belġju għas-Sirja, kittieb u konsulent ewlieni tat-Tony Blair Faith Foundation u esperti li qed jaħdmu kuljum ma’ żgħażagħ biex idawru l-isfruttament tagħhom minn militanti.
Saret insistenza li l-Istat Iżlamiku la hu stat u lanqas jitkellem jew jaġixxi għar-reliġjon Musulmana, u li l-Iżlam hu risposta għall-estremiżmu Iżlamiku. Issemmiet ukoll il-ħtieġa ta’ iktar opportunitajiet liż-żgħażagħ u iktar involviment tagħhom u tal-komunitajiet Iżlamiċi f’inizjattivi wiesgħa, u inqas diskriminazzjoni u iżolament ta’ komunitajiet fosthom dawk Musulmani.
Il-konferenza ntemmet b’minuta silenzju għall-vittmi kollha tat-terroriżmu madwar id-dinja.