Filmat: “L-Armata kienet lesta titla’ żżomm kontroll fuq id-dgħajsa” – il-PM

Aġġornat 08:09 AM

Il-PM Robert Abela qal li kellu jagħżel bejn li jkun popolari u li jsalva ħajjet il-Maltin li kienu qed jieħdu ħsieb lill-immigranti. Huwa qal dan f’intervista fuq l-istazzjon ONE.

Il-PM żvela li s-suldati kienu se jitilgħu fuq id-dgħajjes għaliex qal li kienu lesti li jagħmlu dan. Qal li b’kuxejnza safja ddeċieda kontra din l-għażla għaliex il-ħajjiet tas-suldati Maltin kienu se jkunu f’periklu. Stqarr li dan kien ikun “sogru għas-suldati”.

Il-PM spjega li l-immigranti pprotestaw billi ħadu s-skieken mill-kċina u heddew li jisplodu ċilindru tal-gass fuq l-Europa II, id-dgħajjsa tal-Captain Morgan.

Saħaq għal diversi drabi li l-Unjoni Ewropea ħaslet idejha mir-realtà ta’ Malta u tal-immigranti li kienu fuq il-baħar. Qal li huwa jħoss is-sentiment tal-Maltin li qal li huma rrabjati għall-Unjoni Ewropea. Stqarr li s-solidarjetà Ewropea ma ssarfet għal xejn għaliex kienet Malta li salvat u offriet it-trattament uman għall-immigranti tul dawn l-40 jum li ilhom fuq il-baħar.

“Il-Libja miegħi ħadt bulletproof vest”

Dwar iż-żjara tiegħu fil-Libja, il-PM qal li minkejja li qalulu li qed jagħmel ġennata, xorta mar biex isib is-soluzzjoni mal-awtoritajiet Libjani. Stqarr li l-problema kienet li l-Gvern ma sabx ajruplan biex jieħu d-delegazzjoni l-Libja minħabba s-sitwazzjoni ta’ gwerra. Qal li fil-bagalja magħhom ħadu bulletproof vest. Huwa qal dan biex juri li l-Gvern għamel minn kollox biex jipprova jsolvi l-kriżi tal-immigrazzjoni.

“Qabel tlaqt mid dar Lydia qaltli tinsiex li għandek tifla ta’ 8 snin”, stqarr il-PM.

“Il-budget ta’ għada: Stimolu meħtieġ lill-ekonomija”

Il-PM qal li l-budget ta’ għada se jkun stimolu meħtieġ għall-ekonommija għaliex qal li l-kumpaniji Maltin jeħtieġ li jkomplu joffru l-postijiet tax-xogħol. Fl-intervista, il-PM stqarr li dawn il-miżuri li se jitħabbru għada se jkunu possibli minħabba li ma sarx lockdown totali minħabba l-pandemija.

Qal li l-attitudni tal-Gvern se tkun li tinċentiva lin-nies biex jonfqu aktar u biex igawdu s-sajf mingħajr biża. Stqarr li l-budget se joffri sens ta’ pożittività lil kulħadd.

Fost il-miżuri li indika li se jidħlu fis-seħħ, il-PM qal li lest jgħin fil-kirjiet tar-ristoranti, talba li kienet ġiet mill-assoċjazzjoni tar-ristoranti.

“Il-ballun qiegħed f’saqajn l-ALPA”

Dwar is-sensji li tat l-Air Malta lill-bdoti, il-Prim Ministru qal li l-ALPA kienet l-unika unjin tal-ħaddiema li ma aċċettatx il-ftehim offrut lilhom mill-kumpanija. Huwa qal li s-sensji ngħataw iżda qal li issa l-ballun jinsab f’saqajn l-ALPA biex titranġa s-sitwazzjoni.

Huwa qal li tul is-snin il-bdoti kienu qed jagħmlu pika industrijali li skont il-PM wasslu għal dewmien fit-titjiriet u issa anki peress li ma qablux mal-pakkett offrut. Qal li l-kundizzjonijiet li għandhom il-bdoti huma eċċessivi u semma fost l-oħrajn il-kundizzjoni li jmorru għax-xogħol bix-xufier.

Huwa stqarr li r-realtà hi li l-kumpanija waqfilha d-dħul kollu minħabba l-pandemija u għandha spejjeż kbar li kienu rikurrenti.

Tul l-intervista tiegħu, il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern Laburista fadallu li jwettaq 24% tal-proposti fil-manifest elettorali tal-2017.

“PM bla ħiliet tat-tmexxija” – PN

Fi stqarrija wara din l-intervista, il-Partit Nazzjonalista qal li l-PM huwa nieqes mill-ħiliet ta’ tmexxija. Il-PN stqarr li “għal darb’oħra naqas milli jagħti direzzjoni ċara fejn mmorru post-COVID-19, se jwaqqaf l-għajnuniet lill-ħaddiema u ma ressaqx ‘il quddiem inċentivi ċara għall-għajnuna meta hawn ħafna familji li għadhom qegħdin ibatu biex jaslu sal-aħħar tax-xahar u meta l-għajnuniet se jitwaqqfulhom ukoll”.