Filmat: “Mhux se nħares lejn uċuh; l-allegazzjonijiet kollha investigati” – Gafà

Read in English.

Il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid, Angelo Gafà insista li hu mhux se jħares lejn uċuh u lest li jinvestiga kwalunkwe allegazzjoni mingħajr il-bżonn li l-Pulizija tintalab tagħmel dan.

Hu qal dan waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet illum, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fil-Floriana. Il-konferenza tal-aħbarijiet bdiet fit-3pm. Illum, Angelo Gafà nħatar uffiċjalment bħala Kummissarju tal-Pulizija wara l-iskrutinju u l-approvazzjoni mill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Il-ħatra ġiet wara sejħa pubblika u proċess ta’ għażla mmexxi mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dan huwa l-ewwel Kuummissarju tal-Pulizija li nħatar b’din is-sistema ġdida.

Gafà qal li xi ħaġa li jixtieq li jkompli jagħmel hija li jżomm kuntatt regolari mal-midja, kemm f’mumenti sbieħ, kif ukoll f’dawk inqas sbieħ. Irrimarka li l-għan tiegħu huwa li jkabbar il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija. Qal li jrid li l-pubbliku jġibu fin-naħa tiegħu. Sostna li lin-nies iriduhom magħhom biex jekk jisfaw vittmi ta’ kriminalità ma jaħsbuhiex darbtejn biex jitkellmu.

Hu sostna li mhux faċli li jaffaċċjaw il-ġurnalisti, imma hemm bżonn li l-komunikazzjoni tinżamm. Qal li fiż-żmien li ġej, il-Pulizija se tkun qed tippubblika pjan ta’ trasformazzjoni. Insista li fuq kollox, il-Pulizija trid tkun hemm għall-pubbliku u b’hekk trid tkun preżenti fil-komunità.

Allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni

Dwar il-pjan tegħu fuq l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fir-rappreżentanza pubblika u fil-Korp tal-Pulizija, Gafà qal li din hija realtà. Sostna li Korp tal-Pulizija mmexxi minnu mhux se jkun influwenzat mill-ebda isem. Dwar eks-membri tal-Korp li b’xi mod setgħu kienu involuti, qal li hemm inkjesta maġisterjali. Spjega li fir-rigward tal-ħruġ ta’ informazzjoni sensittiva mill-eks Kummissarju tal-Pulizija, huma tkellmu mal-Maġistrat inkwerenti.

Dwar jekk jagħtix garanzija li ssir investigazzjoni dwar kull allegazzjoni ta’ korruzzjoni minn politikanti, il-Kummissarju Gafà wieġeb jgħid li kull allegazzjoni se tiġi investigata. “M’aħna se nistennew lil ħadd biex jitlobna ninvestigaw,” insista Gafà. Irrimarka li l-Pulizija, mal-inqas allegazzjoni, se tibda tinvestiga.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Kummissarju insista li lilu l-ismijiet ma jimpressjonawhx. Qal li hu jemmen li qiegħed fil-Korp biex iservi. Sostna li taħt it-tmexxija tiegħu, il-Korp mhu se jħares lejn wiċċ ħadd. Insista li b’determinazzjoni min-naħa tal-Korp jistgħu jaslu. Qal li kwalunkwe każ, kbir jew żgħir, se jkunu qed jaħdmu biex jaraw li dan jissolva.

Insista li hu mhux l-ewwel darba li għamel investigazzjonijiet li forsi kienu diffiċli u fuq persuni importanti, u b’hekk mhux se jiddejjaq jagħmel investigazzjonijiet diffiċli.

“Kull min jirriżulta li għamel reat kriminali se jittieħdu passi kontrih,” insista Gafà.

Bidla fit-tmexxija tal-Economic Crimes Unit

It-tmexxija tal-Economic Crimes Unit mhux se tibqa’ f’idejn Ian Abdilla. Dan ħabbru Gafà fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum. Hu qal li l-unit se tittieħed f’idejn l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo. Hi kienet tefgħet in-nomina tagħha għall-irwol ta’ kummissarju tal-pulizija.

Gafà qal lill-ġurnalisti li din il-bidla mhix kundanna għall-ħidma ta’ Abdilla, imma hija biss mod kif il-korp jirrikonoxxi l-bżonn li d-dipartiment jissaħħaħ u jittejjeb. Abdilla kien ikkritikat minħabba li allegatament ma ħax azzjoni immedjata dwar ċerti kriminalitajiet finanzjarji fejn jidħlu uffiċjali għolja fil-gvern.

Taħriġ tal-Pulizija

Gafà sostna li żgur li mhux se jittollera skartar waqt il-ħin tax-xogħol mill-Pulizija, speċjalment bl-użu anke tal-vetturi tal-Korp. Qal li jrid jara li l-persuni l-ġodda li joħorġu mill-Korp tal-Pulizija jkunu attrezzati kompletament, bil-perjodu tal-probation fejn ikun hemm mentors li jaraw il-progress tal-Pulizija ġodda.

Fiduċja fil-Korp tal-Pulizija

Dwar eżempji konkreti ta’ x’se jkun qed jagħmel biex isaħħaħ il-fiduċja tal-poplu fil-Korp tal-Pulizija, Gafà qal li l-fiduċja tan-nies tirbaħha bilmod. Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, Gafa qal li jrid jara li l-viżjoni ċara li għandhom u li se jkollhom bil-pubblikazzjoni tal-istrateġija, ma tittappanx bl-iżbalji. Qal li l-fiduċja se jilħquha bid-dedikazzjoni u l-ħidma tagħhom. Spjega li l-fiduċja se jġibuha matul is-snin, iżda wkoll għax hu se jara li l-Korp ikun wieħed dixxiplinati. Insista li l-pulizija li jinsabu fit-toroq, huma l-eżempju tal-Korp, u b’hekk iridu jkunu x-xempju tal-Korp. Huma iżda jridu jkunu ispirati minn dawk ta’ fuqhom u b’hekk se jkunu varati kodiċi ta’ etika ġodda li jikkunsidraw ir-realtajiet tal-lum.

“Ħa nżidu l-governanza, il-kontabbiltà u t-trasparenza,” insista Gafà. Qal li jrid li l-pubbliku jżommhom kontabbli. Insista li ċ-ċittadin irid ikun fiċ-ċentru tal-operat tal-Pulizija u dan mhux biss bil-paroli iżda wkoll bil-fatti.

Insista li mhux se jippermetti li jkun hemm membri tal-Korp tal-Pulizija fit-toroq jitkellmu dwar x’għamlu s-Sibt filgħaxija. Qal li jrid jara li l-membri tal-Korp ikunu f’konverżazzjoni kontinwa mal-pubblika biex titnaqqas il-kriminalità fil-pajjiż.