“Se nżomm il-proġett ta’ Joseph ħaj u b’saħħtu” – Robert Abela

PL

Read in English.

Il-Mexxej elett tal-Partit Laburista Robert Abela għamel l-ewwel diskors tiegħu wara r-rebħa tal-elezzjoni lbieraħ.

X’qal Robert Abela?

  • L-ewwel kelma ta’ Abela: “Emozzjonat.”
  • “Ma rridx nisma’ iktar bin-nies ta’ Chris u bin-nies ta’ Robert, aħna lkoll tfal tal-Partit.”
  • “Grazzi lill-ħabib tiegħi Chris Fearne. Dan għadu l-bidu tal-ħidma li rridu nagħmlu flimkien għal Malta.”
  • “Se nżomm il-proġett ta’ Joseph ħaj u b’saħħtu.”
  • “Wara l-maltemp diġà ġie l-bnazzi.”
  • “Għada filgħodu se jkun jum is-serħan il-moħħ.”
  • “Mhux se nagħlaq għajnejja għall-iżbalji.”
  • “Nemmen li l-aqwa żmien fadallu għaddej u għad irid jiġi.”
  • “Dan hu l-mument tal-aħna akbar mill-jiena.”
Diskors ta' Robert Abela – Mexxej Elett tal-Partit Laburista

Diskors ta' Robert Abela – Mexxej Elett tal-Partit Laburista

Posted by Partit Laburista on Sunday, January 12, 2020
18:41 Mart Robert Abela, Lydia Abela, tingħaqad miegħu fuq il-palk, flimkien ma' binthom Giorgia Mae.
Sephora Francalanza
18:39 "Dan hu l-mument tal-aħna akbar mill-jiena."

Jistqarr, "jiena tagħkom" u kkommetta ruħu li jirreċiproka r-rispett li rċieva f'ħidma.

"Aħna t-tfal ta' familja waħda."
Sephora Francalanza
18:39 Liż-żgħażagħ: "Illum irridkom tkunu protagonisti miegħi biex flimkien immexxu l-pajjiż 'il quddiem."
Sephora Francalanza
18:37 Jgħid li jemmen fis-self-employed, jistqarr li hu stess għadu hekk sal-lum. Isemmi l-professjonisti, il-ħaddiema tal-id, il-pensjonanti, iż-żgħażagħ li jgħid li għandu fiduċja partikolari fihom.
Sephora Francalanza
18:35 Qal li għada l-pajjiż irid iqum bit-trankwillità, u semma lil diversi fergħat tas-soċjetà: il-komunità tan-negozju, il-pensjonanti u ż-żgħażagħ.

Appella lill-komunità tan-negozju biex tagħmel kuraġġ. Qal li hu se jagħmel minn kollox biex jibqa' jarahom javvanzaw 'il quddiem, iżda talabhom biex jaħsbu fil-ħaddiem.

"Kunu stakeholders magħna biex tiżguraw li l-ġid ma jeħilx fuq imma jinżel isfel biex jilħaq lil kulħadd" – din hi l-mira ewlenija ta' Robert Abela, skont ma jistqarr hu.
Sephora Francalanza
18:35 "Nemmen li l-aqwa żmien fadallu għaddej u għad irid jiġi"
Sephora Francalanza
18:34 Jistqarr li dalgħodu diġà xammar il-kmiem u beda jaħdem. Qal li għandu kuraġġ kbir, viżjoni ċara u determinazzjoni b'saħħitha.
Sephora Francalanza
18:33 Semma l-valuri tal-verità, tal-korrettezza. Iħeġġeġ lil-Laburisti biex imorru lura għall-għeruq tal-Partit Laburista.
Sephora Francalanza
18:33 "M'għandna ebda traġedja fil-pajjiż imma hu mument sensittiv." Abela huwa żgur li l-pajjiż joħroġ minn dan il-mument aktar b'saħħtu.
Sephora Francalanza
18:31 Abela qal li l-istil tiegħu huwa ta' tmexxija miftuħa, li jieħu l-opinjonijiet ta' kulħadd, jieħu l-pariri ta' sħabu fil-Kabinett. Qal li jemmen fir-responsabbiltà li tinqasam b'mod kollettiv.

"F'dal-mument irid ikollna sens ta' dixxiplina magħna nfusna."
Abela stqarr li jemmen ħafna fid-dixxiplina imma jrid jinstab bilanċ bejn dixxiplina u ġustizzja.
Sephora Francalanza
18:30 Semma t-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, tal-governanza tajba. Qal li se jkun sod li jara li titwettaq ir-rieda tal-poplu li l-Gvern Laburista jitħalla jiggverna.
Sephora Francalanza
18:29 Mal-kontinwità qal li beħsiebu jagħmel xi bidliet, għax kien hemm xi żbalji li saru. "Meta taħdem ħafna, żbalji se tagħmel ukoll."

"Mhux se nagħlaq għajnejja għall-iżbalji" – Abela ta kelmtu li beħsiebu jsewwi l-iżbalji li saru.
Sephora Francalanza
18:28 Abela jgħid li l-kontinwità tajba għax inħolqot "flimkien." Saħaq li jemmen fil-politika ta' min-nies għan-nies.
Sephora Francalanza
18:27 "Għada filgħodu se jkun jum is-serħan il-moħħ" li fih, Abela kkommetta ruħu, se jkompli jaħdem b'kontinwità fuq xogħol Joseph Muscat. Il-kontinwità, qal Abela, se jdawwarha fi stabbiltà, iżda beħsiebu jibqa' juża "r-riċetta li ħadmet."
Sephora Francalanza
18:26 Jisħaq li l-PL mhux il-partit tal-għira, imma l-partit tas-suċċess.
Sephora Francalanza
18:24 "Wara l-maltemp diġà ġie l-bnazzi"

Il-Mexxej tal-PL jgħid li l-bastiment diġà beda jiddritta u wara l-maltemp diġà ġie l-bnazzi.
Sephora Francalanza
18:21 Is-sigriet, skont Abela, huwa li l-Partit ikun miftuħ għal kulħadd u ma jħarsix lejn twemmin, reliġjon, kulur. "Aħna l-Partit tal-għaqda!" jinsisti Abela.

Tkellem fuq il-bżonn li jinżamm bilanċ bejn partit miftuħ għal kulħadd u li ma jintesewx dawk li dejjem kienu hemm għall-partit.
Sephora Francalanza
18:20 Abela jmexxi l-legat li ħalla l-Prim Ministru Joseph Muscat, u l-folla bdiet tgħajjat "Joseph! Joseph!"

Huwa jgħid li se jżomm il-proġett ta' Joseph ħaj u b'saħħtu.
Sephora Francalanza
18:18 "Se niġbdu ħabel wieħed" – il-Mexxej jinsisti fuq l-għaqda fil-Partit Laburista. Tkellem fuq il-ħtieġa li l-pajjiż jinżamm rebbieħ. Qal li l-Partit Laburista huwa l-partit tal-ġid, tat-tajjeb, tas-sinċerità.

Din is-sena l-Partit Laburista jagħlaq 100 sena mit-twaqqif tiegħu. Abela qal li dan hu anniversarju speċjali għax huwa tifkira tal-għeruq. Abela wiegħed lil-Laburisti li mhux se jinsa l-għeruq tal-Partit.
Sephora Francalanza
18:17 Fl-aħħar sentejn u nofs qal li sab 36 ruħ, ħabib u ħabiba, li bejniethom hemm is-sinċerità, b'referenza għall-Grupp Parlamentari.
Sephora Francalanza
18:16 Jgħid li grazzi speċjali tiegħu tmur lill-ħabib tiegħu Chris Fearne. Jirringrazzjah tal-kandidatura tiegħu u tal-ħbiberija ta' bejniethom.

Abela jgħid li dalgħodu tkellmu hu u Fearne u verament ħa gost bl-awguri tiegħu. "Għada probabbli se nisbħu l-gym flimkien nittrenjaw," jiċċajta Abela. Qal li dan għadu bidu tal-ħidma li jridu jagħmlu flimkien għal Malta.
Sephora Francalanza
18:15 Abela jgħid li jwiegħed lil dawk li mhumiex konvinti minnu li se jibqa' jiġri warajhom biex jikkonvinċihom wieħed wieħed "għax nemmen fikom u għandi fiduċja f'kull wieħed u waħda minnkom."
Sephora Francalanza
18:15 Għajat ta' "Viva l-Labour!"
Sephora Francalanza
18:15 "Ma rridx nisma' iktar bin-nies ta' Chris u bin-nies ta' Robert, aħna lkoll tfal tal-Partit."
Sephora Francalanza
18:14 Abela jsostni kemm hu kburi bil-maturità tal-Laburisti. Jgħid li l-Partit Laburista ħareġ b'saħħtu mill-kampanja, magħqud iktar milli beda.
Sephora Francalanza
18:12 Il-Mexxej il-ġdid jgħid li jinsab emozzjonat bl-imħabba murija lilu u lil familtu. Jgħid li huma wkoll iħobbu lill-poplu. Mhux biss għax għaddew minn mument iebes, mument li l-Partit "żgur ma kellu xejn x'jaħti fih" u jindirizza lill-folla u jgħid li lanqas huma ma kellhom x'jaqsmu fih, anzi kienu huma li ħarġu lill-Partit minn dan il-mument.
Sephora Francalanza
18:12 Il-folla taqbad tgħajjat, "Robert! Robert!"
Sephora Francalanza
18:09 L-ewwel kelma ta' Abela: "Emozzjonat."
Sephora Francalanza
17:52 Abela jgħannaq lil missieru George Abela fost l-għajat u ċ-ċapċip tal-folla.
Sephora Francalanza
17:40 Jingħata merħba l-Mexxej il-ġdid, Dr Robert Abela. Huwa akkumpanjat mill-mara tiegħu Lydia Abela.

Bosta nies iwaqqfuh hu u miexi lejn il-palk biex jifirħulu u jieħdu ritratt miegħu.
Sephora Francalanza
17:38 Micallef jirringrazzja lil Chris Fearne u jsejjaħlu wieħed mill-pilastri tal-Moviment Laburista u tal-Gvern. "Irrid nibqa' nitgħallem mingħandek."

Huwa indirizza wkoll lil Abela u qallu li bħalma Muscat dejjem sabu hemm għalih, l-istess se jsibu hemm għalih hu.
Sephora Francalanza
17:34 Il-President tal-PL Daniel Micallef jagħmel id-diskors tiegħu.

Jgħid li hu kburi li hu Laburist, u jirringrazzja lill-partitarji Laburisti tal-attendenza u s-sehem tagħhom.
Sephora Francalanza
17:33 Jintwera filmat tal-proċess ta' din l-elezzjoni.
Sephora Francalanza
17:32 Hili jħabbar ir-riżultati finali tal-elezzjoni. B'kollox ivvutaw 16,216 persuna – minnhom validi 16,140. Turnout ta' 92.5%.

Chris Fearne: 6,798 vot
Robert Abela: 9,342 vot
Sephora Francalanza
17:29 Jindirizza l-Kungress iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali Dean Hili.

Jgħid li l-Partit Laburista għandu biex ikun kburi.
Sephora Francalanza
17:28 Il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef jiftaħ is-sessjoni.
Sephora Francalanza
17:05 Id-diskors ta' Abela kellu jibda fl-4pm. Il-Padiljun Sportiv huwa maħnuq bin-nies lesti biex jilqgħu l-Mexxej il-ġdid.
Sephora Francalanza
16:38 Il-President Emeritu Dr George Abela, missier Robert Abela, jasal fil-Padiljun Sportiv.

Abela kien ukoll ikkontesta għall-kariga ta' mexxej tal-Partit Laburista fl-2008 kontra Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
16:01 Atmosfera ta' ferħ fost il-partitarji Laburisti li qegħdin jiċċelebraw ir-rebħa tal-Avukat Robert Abela.
Sephora Francalanza
16:00 Merħba għar-rappurtaġġ live mill-Kungress tal-Partit Laburista fil-Padiljun Sportiv ta' Raħal Ġdid, fejn minn hawn u ftit ieħor, il-Mexxej elett Robert Abela mistenni jagħmel l-ewwel diskors tiegħu.
Sephora Francalanza

Id-diskors ta’ Abela għalaq il-Kungress tal-Partit Laburista li nfetaħ nhar il-Ġimgħa bl-aħħar diskors ta’ Joseph Muscat bħala Mexxej tal-Partit u Prim Ministru. L-attività saret fil-Padiljun Sportiv f’Raħal Ġdid.

Il-folla tistenna lil Robert Abela, il-Mexxej Elett tal-Partit Laburista.

Posted by Partit Laburista on Sunday, January 12, 2020

Huwa rebaħ l-elezzjoni kontra l-avversarju tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne b’maġġoranza ta’ 57.9%. B’kollox ivvutaw 16,216 tesserat Laburista. It-turnout kien ta’ 92.5%.

Għada ċ-ċwievet ta’ Kastilja se jgħaddu minn idejn Muscat għal idejn Abela, li mbagħad jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Ministru.

Abela verżjoni oħra ta’ Muscat – PN

Fi stqarrija l-PN qal li Robert Abela huwa verżjoni oħra ta’ Joseph Muscat li ġie deskritt bħala l-aktar mexxej korrott tal-2019.

“Minkejja li ġie elett mexxej ġdid tal-Partit Laburista, f’elezzjoni taħraq li ħalliet il-feriti tagħha, jidher ċar issa li xejn mhu se jinbidel fil-Gvern Laburista. Kien Robert Abela li qalilna li għada se jkun jum is-serħan il-moħħ u b’hekk hu stess ikkonferma li taħt il-Gvern Laburista, li hu parti minnu, qatt ma jkun serħan il-moħħ għall-familji u għal pajjiżna.

“L-ewwel diskors ta’ Robert Abela kien prattikament fotokopja tan-narrattiva tas-soltu tal-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat. Diskors nieqes mis-sustanza, li ma jindirizzax id-diffikultajiet tan-nies u fejn Robert Abela baqa’ lura milli jsemmi l-pjanijiet tiegħu għat-tibdil reali li jeħtieġ fil-Gvern. Dan meta l-poplu jixraqlu Gvern bla korruzzjoni u b’ istituzzjonijiet li jkunu verament liberi li jiffunzjonaw.

“F’inqas minn 24 siegħa, Robert Abela diġà kiser wegħda minn tiegħu u minflok ma kkundanna l-aġir tal-eqreb ħbieb ta’ Joseph Muscat bħall-eks Ministru Konrad Mizzi, li bil-korruzzjoni tiegħu staġna l-pajjiż u l-Partit Laburista, deher jgħannqu u jifraħ bih. Din hija prova li Robert Abela ma tgħallimx mill-iżbalji ta’ Joseph Muscat li kien deskritt bħala l-iżjed politiku korrott u beħsiebu jkompli jiggverna bl-istess mentalità li wasslet għall-kriżi politika li ġabna fiha ta’ qablu.”

“Jekk Robert Abela jrid ikun kredibbli u jrid jitwemmen, mela għandu jibda billi jkeċċi lil Konrad Mizzi u jneħħi minnufih lill-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kap taċ-ċivil li ħallew l-amministrazzjoni u l-istituzzjonijiet jispiċċaw għodda politika ta’ Joseph Muscat u sħabu Keith Schembri u Konrad Mizzi.”