“Ix-xogħol fix-xemx nagħtuh lill-barranin” – Muscat; “M’hemmx inkjesta dwari” – Delia

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kellhom l-ewwel dibattitu politiku f’din il-kampanja elettorali, waqt il-programm XTRA fuq TVM ippreżentat mill-ġurnalist Saviour Balzan.

Fost is-suġġetti li ddiskutew kien hemm il-barranin f’Malta, l-ambjent, il-kostruzzjoni, il-mina bejn Malta u Għawdex, il-korruzzjoni, il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u l-emendi leġiżlattivi, kif ukoll ir-rapporti dwar Malta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu ġie fdat biex imexxi lill-partit sal-elezzjoni ġenerali li jmiss, u b’hekk, dawn l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali ma jqishomx ta’ test għalih.

Meta kkonfrontat dwar il-fatt li l-PN ma kellux biżżejjed kandidati għall-kunsilli lokali, Delia qal li l-Imdina hi l-unika lokalità fejn mhix se ssir din l-elezzjoni. Ħeġġeġ lill-poplu biex jiftakar min kien li nissel il-kunsilli lokali. Min-naħa tiegħu, il-Mexxej tal-Partit Laburista qal li l-Gvern ra kif naqqas it-tagħbija tal-kunsilli billi ħadilhom it-toroq mill-portafoll tagħhom.

Dwar il-ħaddiema barranin, li Delia qal li Malta ma tiflaħx għall-piż tagħhom peress li qed jaslu bl-eluf, Muscat qal li jixtieq li l-Maltin jarahom jaħdmu ta’ tobba u għalliema filwaqt li l-barranin ikunu dawk li jgħinu lill-ħaddiema li jaħdmu fix-xemx. Kompla jgħid li jrid jasal f’punt li l-Maltin ikunu sinjuri żgħar. Skont Delia, din l-idea tal-Prim Ministru hi idea ta’ soċjetà klassista.

Delia staqsa lil Muscat kif ma użax l-istess kejl li uża għalih innifsu dwar il-kumpanija Egrant meta qal li jekk tkun tiegħu, jirreżenja, billi jkeċċi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Muscat qal li qed jistenna r-riżultati mill-maġistrati inkwerenti. Għall-mistoqsija ta’ Delia, huwa qal li ma jsibx problema biex issir inkjesta indipendenti fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Filwaqt li Delia qal li r-rapporti maħruġin dwar Malta qegħdin jgħidu li l-qafas tal-liġijiet hu tajjeb, imma l-Gvern qed jabbuża minnhom, Muscat qal li l-Gvern wiret liġijiet li jridu jiġu emendati mingħand Gvern Nazzjonalista. Żied jgħid li nofs ir-rapporti kienu misqija minn nies madwar Delia.

Il-Prim Ministru qal li huwa deċiżissimu li l-mina bejn Malta u Għawdex issir. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li qed jistennew ir-rapporti, iżda l-Prim Ministru ċaħad dan, u qal li fil-Parlament, il-Gvern u l-Oppożizzjoni t-tnejn ivvutaw li ssir il-mina, irrispettivament mir-rapporti.

Id-dibattitu

Balzan: Jistaqsi lil Delia għaliex mhux jagħti importanza lill-elezzjoni bħallikieku mhix elezzjoni ġenerali.

Delia: Mhijiex elezzjoni ġenerali, hija opportunità biex il-poplu Malti jiddeċiedi min irid jirrappreżentah fl-Ewropa, u min irid jirrappreżentah f’kull raħal u kull belt. Lili fdawni biex inwassal lill-PN għall-elezzjonijiet ġenerali illi jmiss, u mhix kwistjoni ta’ test u mhux test.

Balzan: Ilbieraħ, Prim Ministru, għalaqt b’messaġġ partikolari li s-soltu ma tagħmilx; għidt li hi għażla bejn Joseph Muscat u Adrian Delia, għażla bejn il-viżjoni ta’ Muscat u Delia. Jiġifieri qed tagħti t-timbru ta’ tiġrija kważi presidenzjali.

Muscat: Hi għażla bejnietna t-tnejn għax kieku mhux qegħdin hawn. Hija għażla biex naraw kif mexa l-pajjiż f’dawn is-sentejn, jien bħala Prim Ministru u hu bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Ma nibżax li nkun iġġudikat, anzi qed ngħid lill-poplu jiġġudikani. Kieku ma kienx hemm biżżejjed kandidati tal-Partit Laburista konna nispiċċaw mingħajr elezzjoni tal-Kunsill Lokali fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

Balzan: Kienet ċara li kien hemm ftit lokalitajiet fejn ħarġu ftit kandidati – strateġija jew ma sibtux kandidati?

Delia: L-uniku eżempju fejn m’hemmx kandidati kien l-Imdina. Il-bqija, din hi ħrafa. Il-Partit Laburista naqqas il-fondi tal-kunsilli lokali, mentri l-Gvern Nazzjonalista bdiehom u fdahom 25 sena ilu.

Balzan: Parti mill-istrateġija li qed tirreferu għall-Partit Laburista bħala Partit Soċjalista?

Delia: Assolutament le.

Balzan: Għandkom numru ta’ kandidati rekord. L-interpretazzjoni tiegħi hija li tixtiequ tmorru aħjar mill-aħħar elezzjoni.

Muscat: Lill-Partit Nazzjonalista nibqa’ nirreferi għalih hekk u mhux bħala Partit Popolari, għax kieku kien popolari, kien ikollu biżżejjed kandidati, speċjalment fil-postijiet li qabel kellhom maġġoranza Nazzjonalista. Kieku aħna ma kellniex biżżejjed kandidati, il-votanti ma kienx ikollhom għalfejn jivvutaw għall-kunsilli lokali. Delia qal li ħadnielhom ir-responsabbiltà, lill-kunsilli lokali ħadnielhom it-toqol li t-toroq isiru kollha minnhom. Aħna żammejna l-istess kandidati u żidna mat-30/40 persuna magħhom.

Balzan: Waħda mit-temi tal-kampanja hija dwar il-barranin. Dr Delia, int użajt kliem iebes u għidt li l-Gvern qed jibbaża l-ekonomija fuq cheap labour. M’hemmx ftit kontradizzjoni?

Delia: M’hemmx kontradizzjoni. Aħna għamilna programm elettorali Flimkien għal Pajjiżna u fuq il-barranin konna preċiżi ħafna – inkunu ġusti ma’ dawk li jixirqilhom il-protezzjoni, sodi ma’ dawk li mhumiex eliġibbli, ħorox ma’ dawk li qed jinqdew minn nies li huma vulnerabbli. Il-kwistjoni l-oħra hija dik tal-ekonomija – il-Gvern irid li l-ekonomija titkabbar bil-popolazzjoni meta għandna l-iċken pajjiż fl-Ewropa. Il-Gvern diġà qal li jrid iżid 14,000 kull sena, u l-piż fuq il-pajjiż huwa ħafna. Din l-ekonomija mhix sostenibbli u rrid nistaqsi lill-Prim Ministru dawn in-numri sa fejn se jaslu.

Balzan: Il-Maltin qed jaraw lill-ekonomija tikber, li hemm ħtieġa ta’ nies barranin jaħdmu fil-kostruzzjoni, fil-catering… imma jilmentaw li l-pagi tagħhom jibqgħu baxxi.

Muscat: Irrid nasal li kull Malti u Maltija jsiru sinjuri żgħar. Il-Kap tal-Oppożizzjoni missu staqsa 15-il sena ilu “Kemm jiflaħ il-pajjiż?” meta dħalna fl-Unjoni Ewropea peress li biha jista’ jiġi min irid. Meta ridt nagħmel il-pushback biex l-immigranti kontra, kienu ffirmaw ittra kontra dan numru ta’ avukati, fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni. Qed ikun kontradittorju. Jien smajt li qed jitħallsu b’€1 fis-siegħa, imma l-Jobs Plus ma kellhomx rapport dwar dan. Jekk tafu b’dawn l-affarijiet, tkellmu dwarhom.

Delia: Dħalna fl-UE għax konna nemmnu fl-UE. Il-problema hi li dawk li qed timbuttahom minn fuq il-baħar qed iġġibhom bl-ajruplani.

Muscat: Il-barranin li jiġu f’pajjiżna nġibuhom fejn għandna bżonnhom – jekk għandna bżonn il-carers, inġibu l-carers.

Delia: Għandna l-ogħla rata ta’ school leavers fl-Ewropa.

Muscat: Naqsu b’4% imma fadlilna x’naħdmu. Liż-żgħażagħ Maltin irriduhom jieħdu l-iskilled jobs, tobba, għalliema, imbagħad inġib lil min jgħin lill-ħaddiema fix-xemx tal-ġurnata.

Balzan: Ilbieraħ il-Prim Ministru qalilkom li qed tmorru għall-estremitajiet tal-lemin.

Delia: Il-Prim Ministru qed jgħid li jrid soċjetà klassista. Aħna naħsbu li għandna bżonn il-barranin biex naħdmu u nikbru magħhom, argument ekonomiku. Aħna qed nitkellmu fuq kemm jiflaħ il-pajjiż – kieku jiġu l-Maltin, il-Maltin kollha li hemm l-Awstralja, fiżikament pajjiżna jiflaħ jikber bil-mod. Irridu nsaħħu setturi li joħolqu impjiegi tajbin. Għalliema Maltin meta jittrattahom b’dak il-mod, meta qed jitilqu mill-korsijiet tal-Università, meta m’għandniex min jgħallem lil uliedna?

Balzan: Il-governanza – l-għajta tal-Oppożizzjoni. Id-Deputati Nazzjonalisti kienu spalla ma’ spalla ma’ wħud bħal Gomes u oħrajn li kkritikaw lil Malta.

Delia: Qatt ma nkunu fil-Partit Nazzjonalista li jagħmel ħsara lil Malta. Il-ħsara ssir minn Gvern li jippersisti, rapport wara l-ieħor, li jikkundannaw lill-Gvern, u l-Prim Ministru jħalli nies madwaru li jibqgħu jtebbgħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Kif għandna Ministru msemmi fil-Panama Papers wieħed mill-ikbar ministri tal-Prim Ministru? Il-ħsara lil pajjiżna qed jagħmilha min jippersisti f’dak li jagħmel.

Balzan: It-talba għal inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia – għaliex tirribattiha?

Muscat: Il-Kap beda jgħid kemm jiflaħ jiġu barranin, eċċ.? Kien hemm pajjiż ieħor bħal dan, u llum spiċċa bil-froġa tal-Brexit. Numru sostanzjali tal-barranin ġejjin mill-UE. Aħna konna dawk li żidna lill-għalliema b’mod sostanzjali, imma fadal xi jsir. Aħna writna 14,000 għalliem, u dawn żdiedu għal 15,700 għalliem. Il-problema l-kbira tal-Kap tal-Oppożizzjoni hi l-kredibbiltà, għax l-allegazzjonijiet li kellu fuqu jien ma nidħolx fihom, imma x’differenza. Għandi xi problema li ssir inkjesta fuq Caruana Galizia? Lanqas kelli problema għal inkjesta fuqi nnifsi, taħseb li ħa niddejjaq li ssir inkjesta fuq Caruana Galizia? Mhux jekk issirx inkjesta, imma meta ssir inkjesta, għax irridu nsibu min kienu l-mandanti. L-Avukat Ġenerali Peter Grech ilu li nħataf mill-Gvern Nazzjonalista. Ħafna mil-liġijiet li qed jikkritikaw ir-rapporti aħna writniehom mill-Gvern ta’ qabilna, u issa qed nirranġawhom.

Balzan: Inkjesta li hemm għaddejja dwarek Kap tal-Oppożizzjoni…

Delia: M’hemm l-ebda inkjesta jew investigazzjoni dwari.

Balzan: Intom tħossu li għandkom problema tal-kredibbiltà?

Delia: Ir-rapporti jgħidu li għandna qafas ta’ liġijiet tajjeb imma taħt dan il-Gvern qegħdin jiġu abbużati. Peter Grech inħataf minn Gvern Nazzjonalista, imma qatt ma ndaħallu f’xogħlu. Il-Kummissarju ma nbidilx 5 darbiet taħt Gvern Nazzjonalista. Il-Prim Ministru kien jipprietka li mod allegazzjoni u mod fatt. Jien kont l-ewwel wieħed meta l-PM għamel il-preżentazzjoni għamel kejl fuq Egrant: jekk il-kumpanija tiegħi, nirreżenja. Il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri ma jirreżenjawx. Għaliex?

Muscat: Għamilt allegazzjoni serja – nirrifjuta li nippruvaw nimminaw lil bniedem ta’ integrità bħal Peter Grech. Ir-rapporti nikkategorizzahom: oġġettivi u oħrajn mimlijin velenu misqijin minn nies li jridu jitilgħu fuq il-karrettun tiegħek biex jibqgħu ggranfati ma’ fejn qegħdin. L-argumenti li jużaw min irid jagħmlilna hekk huma misqija minn nies li qegħdin jiġru madwarek. Il-gidba faħxija dwari ddestabbilizzat il-pajjiż. Fuq il-persuni l-oħra b’allegazzjonijiet kontrihom – diġà kien hemm il-ġudizzju tal-poplu, nistennew li l-maġistrati inkwerenti jieħdu d-deċiżjoni tagħhom. Jekk joħorġu l-fatti, nimxu minn hemm.

Balzan: L-etika fil-politika mhix waħda għolja skont ġurnalisti Maltin u barranin.

Muscat: Għalija waħda mill-iżjed tibdiliet importanti li għamilna hi t-tneħħija ta’ preskrizzjonijiet fuq korruzzjoni. Dik hija l-prova tal-kredibbiltà. Ħadt deċiżjonijiet, il-poplu ġġudikani, ħadt deċiżjonijiet tajbin u oħrajn le.

Delia: Jien m’għamilt ebda allegazzjoni ġdida, imma nitkellem fuq fatti. Imma staqsejtu – dak li kien jgħodd għalih, għaliex dik ir-riga tal-kejl ma tgħoddx għal sħabu? Jien mhux ngħid kontra l-AĠ, imma għalija l-AĠ kiser il-Kostituzzjoni billi r-rapport tal-Egrant ma tahx lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Ħoloq żbilanċ politiku.

Muscat: Mar il-Qorti l-Kap għax hawn is-Saltna tad-Dritt. Saret l-ikbar gidba fl-istorja moderna fil-konfront tiegħi – hemm parir tal-AĠ – inti stess qed tikkontradixxi lilek innifsek għax qed tgħid – u nemmnek – li vvintaw karta kontrik, imma din il-karta ma tridx turiha.

Balzan: Kif tirrispondi għal din ir-reazzjoni tal-mina?

Delia: Mill-Oppożizzjoni pproponejna l-mozzjonijiet fuq dak li għandha tkun il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer; fis-sustanza hi li naqblu li jkun hemm link permanenti, imma li joħorġu l-istudji kollha. Wara li jiġu ppubblikati u wara li ssir il-konsultazzjoni pubblika, inkunu nistgħu naraw isirx iżjed ġid jew ħsara. M’għandix dubji sekondi għax sal-lum għad m’għandix l-informazzjoni, ir-rapporti kollha.

Muscat: Mhux fuq li qed jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni qbilna l-Parlament; qbilna li nagħmluha u noqogħdu attenti għal li jgħidu r-rapporti tekniċi. Il-Parlament iddeċieda li se ssir. Xi ħaġa xi mkien se jkun hemm problemi, bħal fil-Manikata. Għidna li minflok ma nqattgħu taħt l-art, jitqiegħdu l-pajpijiet. Nagħtu kas l-għażliet kollha. Il-predeċessur tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien jgħidli li mhux ngħaġġlu biżżejjed, u l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jgħidli li ngħaġġlu żżejjed. 

Delia: Jien għandi tħassib ambjentali kbir u għalhekk naraw ir-rapporti l-ewwel.

Muscat: Jien deċiż, deċiżissimu li l-mina ssir. 

Balzan: It-traffiku: hemm ukoll is-soluzzjonijiet. Li nnaqqsu l-karozzi, li jkun hemm iżjed parking meters…?

Delia: Biex intaffu problema li qed tikber ma rridux inżidu elf karozza fix-xahar. Għandna l-aktar arja maħmuġa fl-Ewropa; ma nistgħux ngħidu li rridu karozzi elettriċi u mbagħad ngħidu li rridu l-pompi fl-ODZ. Irridu nibdew billi naraw kemm jifilħu t-toroq tagħna. Dak li ġibna mill-UE nfaqnieh u ma sibniex is-soluzzjoni. Irridu naraw kif se nħajru lin-nies jużaw it-trasport pubbliku.

Balzan: Il-kwistjoni tat-theddida tal-kostruzzjoni; taf li kif qed issir il-kostruzzjoni, qed tikkrea problemi kbar. Ma tħossx li għandna bżonn inkunu iktar kawti, responsabbli?

Muscat: Hawn kuntratturi responsabbli u oħrajn li mhumiex. Il-kwalità tal-arja bil-powerstation tal-High Fuel Oil kienet agħar. Hemm kwistjoni kruċjali f’dan kollu: qed ninkoraġġixxu li l-bniedem juża t-trasport pubbliku, u se naslu biex it-trasport pubbliku kollu fil-pajjiż għar-residenti jkun b’xejn; għandna bżonn trasport tal-massa – irid ikollok ferm iktar nies milli hawn fil-pajjiż. Delia jgħid li ma jridx iktar barranin u jrid it-trasport tal-mazza. Faċli li lin-nies tgħidilhom hawn wisq karozzi: jew liż-żgħażagħ tgħidilhom jibdew isuqu ta’ 21 sena, jew ikollna kwota ta’ kemm joħorġu karozzi fl-UE?

Delia: Il-Partit Soċjalista maestro tal-propaganda. 80% tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed jisirqu lin-nies għax jinħadmu b’mod ħażin. Trid tikkrea trasport effiċjenti għax inutli jkun b’xejn u tasal siegħa u nofs tard. Trasport b’xejn xi ħaġa tajba imma rridu nissussidjawh: noħorġu l-flus biex kulħadd jagħmel siegħa u nofs fit-traffiku b’xejn? 

Muscat: Bl-istess argument stajna ma tajniex trasport b’xejn għall-iskejjel privati.

Delia: Jien ġejt fdat inwassal lill-PN għall-elezzjoni ġenerali; m’iniex se nieqaf nofs triq. Il-ħsieb hu li tħares lejn il-proposti. Jien irrid li fl-Ewropa nuru lil niesna kif jistgħu jġibu fondi biex jikbru, biex jimirħu.

Balzan: Dejjem tiddeskrivi lilek innifsek bħala l-underdog. Għandek sitwazzjoni fejn għandek partit b’saħħtu…

Muscat: L-elezzjonijiet huma expectations game, bħalma ġara fir-Renju Unit. Ġibna 55% tal-voti u xorta ġew 3 bi 3 is-siġġijiet.

Balzan: Il-messaġġ li tridu twasslu għand l-elettorat?

Delia: Din mhix elezzjoni bejn il-partiti jew il-mexxejja tal-partiti, imma biex in-nies jagħżlu min jirrappreżentahom fil-kunsilli lokali u fil-Parlament Ewropew. Il-Partit Nazzjonalista nemmnu fin-nies tagħna.

Muscat: M’għandi l-ebda problema li n-nies jiġġudikawni, bejn li nagħmel jien u li jagħmel hu, bejn it-tim tiegħu u t-tim tiegħi, u mbagħad noqogħdu għall-ġudizzju tan-nies. Ħafna min-nies li qed jikkontestaw miż-żewġ naħat, min-naħa tagħna nassiguraw li Malta tibqa’ f’qalbna.