Filmat: Dawn is-sitta ssuperaw is-Six Chair Challenge

Min ħa s-siġġu? Min ġie eliminat? Segwi hawn!

10.50pm:

Maqgħud it-tim ta’ Ira Losco fil-kategorija tal-kantanti tfajliet. Gail, Destiny, Maria Bellia, Jasmine, Karin u Justine. Lil Dawn issa se narawhom fil-fażi li jmiss, dik tal-Judges Houses.

Iżda qabel naraw din il-fażi se nkomplu naraw aktar eliminazzjonijiet fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif bħal-lum ġimgħa mistenni li jitwassal is-Six Chair Challenge fil-kategorija tal-gruppi.

10.44pm

Gail Attard kienet l-aħħar parteċipanta għal-lejla li tgħid li l-għax tagħha kien sa mis-sena l-oħra li tipprova tasal sal-Judges Houses, għalkemm tixtieq tasal sal-live shows u anki għall-finali.  Hija pparteċipat f’din il-fażi bil-kanzunetta Take Me To Church ta’ Hozier.

“Nemmen li dik il-kanzunetta kienet magħmula għalik,” kien il-kumment ta’ Alexandra, waqt li Howard jikkummenta li f’dan il-mument ma jxitieqx ikun flok Ira. Ray iħoss li t-tfajla ħaqqha siġġu. Id-deċiżjoni f’idejn Ira li kkummentat li s-sena l-oħra kien iddispjaċiha li tilfitha. Ira tidher konvinta li Gail ħaqqha siġġu.

“Waħda mill-kantanti li llejla għamlitli ħajti diffiċċli ħafna hija Maria li qegħda fl-ewwel siġġu,” ikkummentat Ira hekk kif Gail ħadet post Maria Ellul.

10.32pm

Ira indeċiża min se jinqala’ mill-kompetizzjoni biex Justine tkun tista’ tieħu siġġu u b’hekk tgħaddi għall-fażi li jmiss tal-Judges Houses. Tħoss li għandha ssejjaħ għal ‘sing off’ bejn Lisa Marie Tabone u Maria Ellul.

“Dan il-mument mhuwiex faċli għalijja,” qalet Ira hekk kif parteċipanta oħra titlef postha minn din il-kompetizzjoni.

Sing-Off | Chair Challenge | X Factor Malta Season 02

SING-OFF! 😳😳WHO WILL GET THE SEAT?It's Lisa Marie vs Maria!👇👇 HAVE YOUR SAY IN THE POLL BELOW 👇👇Clip brought to you by Brown's#XFactorMalta

Posted by X Factor Malta on Sunday, November 24, 2019

Maria Ellul timpressjona u żżomm is-siġġu tagħha waqt li tinqala Lisa Marie Tabone.

10.27pm

“Kulħadd jixtieq ikun fuq dak is-siġġu,” ikkummentat Justine Shorfid li tgħid li tħossha preparata hekk kif wasslet l-interpretazzjoni tagħha tal-kanzunetta Man Down ta’ Rihanna.

“Int twelidt biex tkun artista,” qaltilha Alexandra li tħoss li l-wirja ta’ Justine huwa dak li X Factor għandu bżonn.

“Jien ċert li għandek l-X Factor fik,” ikkummenta Howard li Ray żied jgħid li kienet inkredibbli fuq il-palk.

Għalhekk għal Ira dejjem qed issir diffiċċli peress li trid tagħti siġġu lil Justine.

“Jien qed ninkwieta. B’Justine fuq siġġu għandek kategorija tal-blieh,” lissen Howard.

10.21pm

Bla dubju li din il-fażi tal-programm X Factor hi waħda mill-aktar eċitanti hekk kif qed joqrob it-tmiem u ma fadalx siġġijiet u dawk li hemm bilqiegħda fuqhom huma parteċipanti b’vuċijiet b’saħħithom. Maria Ellul ħarġet fuq il-palk. Alexndra mhux konvinta iżda Howard u Ray donnhom li huma impressjonati bl-interpretazzjoni tagħha ta’ kanzunetta ta’ Sia.

Ira wkoll konvinta minn dak li llejla rat u għalhekk Ira ħasset li Maria tista’ tieħu s-siġġu ta’ Charisse, li l-vjaġġ tagħha f’din il-kompetizzjoni jieqaf hawn.

10.15pm

Fadal biss erba’ parteċipanti. Destiny Chukunyere hi l-parteċipanta li jmiss.

“Illum eċċitata aktar mis-soltu għax se nkun qed inkanta quddiem in-nies,” kien il-kumment tal-kantanta tas-17-il sena.

“Nixtieq siġġu u nagħmel kollox biex inżommu s-siġġu,” qalet hi hekk kif bdiet l-interpretazzjoni tagħha tal-kanzunetta Don’t Call Me Up ta’ Mabel.

L-udjenza tinfexx f’ċapċip mal-ewwel versi li Destiny tkanta.

L-atmosfera fis-sala hi waħda ta’ barra minn hawn hekk kif l-udjenza tqum iċċapċap lil Destiny mat-tmiem tal-wirja tagħha.

“Għandek kontroll inkredibbli tal-vuċi tiegħek,” qaltilha Alexandra.

“Meta tagħmel dawk in-noti għoljin ħadd ma jiġi quddiemek u jgħidlek li din kienet performabce ħażina,” ikkummenta Howard.

Ray Mercieca wkoll kuntent hekk kif  jgħid li Destiny tat il-kanzuentta dak kollu li kellha fiha.

Ira Losco hija konvinta li llejla Destiny wkoll ħadd siġġu. Iżda flok min? L-udjenza tgħajjat għan-numru 2. Ira tisma’ mill-udjenza u Destiny b’hekk tieħu s-siġġu numru 2, dak li fuqu kien hemm Danika Cutajar, li issa nqalgħet mill-kompetizzjoni.

9.56pm

Jonqos ħames parteċipanti għal-lejla u Jasmine Abela hi l-parteċipanta li jmiss hekk kif wasslet l-interpretazzjoni tagħha tal-kanzunetta Side to Side, li kif ikkummentat Ira stress, mhix kanzunetta faċli.

Il-wirja tagħha gtintlaqa’ minn ċapċip kbir fis-sala. Anki l-ġurija donnha li ħadet gost b’din il-wirja.

“Kienet wirja eċċellenti,” qalilha Howard hekk kif jidher li bħal Alexandra jaqbel li għandha tieħu siġġu. Ray xejn inqas hekk kif issa huwa f’idejn Ira Losco biex tiddeċiedi x’se jiġri.

“Kif joħroġ leħen daqshekk kbir minn persuna daqshekk żgħira huwa misteru għalijja,”  kien l-ewwel kumment ta’ Ira, li tixtieq ittiha siġġu.

Ibbażat fuq dak li rat illejla waqt il-wirjiet s’issa, Ira b’hekk tagħti lil Jasmine s-siġġu ta’ Julia Camilleri.

9.46pm

Għal Kylie Meilak din hija l-ewwel darba li kantat quddiem udjenza daqshekk kbira. Hi interpretata Missed ta’ Ella Anderson.

Jibda l-ibbuwjar fis-sala hekk kif Alexandra tgħid li ma ħasset xejn minn dik il-wirja. Fuq l-istess linja kkummentaw Howard u Ray, li sostna li kultant ma kienx qed iħoss dik l-enerġija li kien hemm bżonn

“L-emozzjoni ma kontx qed titrasmettiha mija fil-mija,” bdiet biex tgħidilha Ira hekk kif tgħidilha li fil-wirja li kienet għadha kif tat kien hemm xi ħaġa nieqsa.

Għaldaqstant Ira ma ħassitx li lil Kylie kellha ttiha siġġu llejla.

9.40pm

“Qed nipprova ma neċitax ruħi żżejjed,” kien l-ewwel kumment ta’ Charisse Vassallo hekk kif imissiha fuq il-palk u tgħid ukoll li issa hija diffiċċli u kerha ħafna li jkollok taqla’ lil xi ħadd.

Hold My Hand ta’ Jess Glynne hija l-kanzunetta li hija għażlet.

Alexandra hija kuntenta u tiddeskrivi lil Charisse bħala prinċipessa minn xi film ta’ Disney.

Howard iħoss ukoll li ħaqqha siġġu, l-istess bħal ma’ jħoss Ray.

Biex Ira tagħtiha siġġu trid taqla’ lil xi ħadd u hawn jibda l-għajjat fis-sala bl-udjenza tgħajjat min għandu jinqala.

Id-deċiżjoni xejn ma hi faċli, iżda finalment id-deċiżjoni tittieħed u għandna l-ewwel eliminata għall-lejla hekk kif Charisse tieħu post Jelena Attard.

9.31pm

Lisa Marie Tabone kkummentat li l-isbaħ mument s’issa fil-kompetizzjoni tal-X Factor kien meta għall-Bootcamp għaqduha fil-Wall of Songs ma’ Justine u Cherise u permezz tas-silta Piece by Piece ħarġu l-emozzjonijiet u l-kapaċitajiet tagħhom.

Lisa Marie tinterpreta Sorry Not Sorry ta’ Demi Lovato.

Alexandra tinħass li mhux konvinta sa’ barra minn din il-wirja u jibda l-ibbuwjar fis-sala. Howard u Ray però jħossu li t-tfajla ħaqqha siġġu.

“Illejla wrejtna dak li dejjem konna nafu, li leħnek huwa b’saħħtu,” ikkummentat Ira hekk kif tatha l-aħħar siġġu.

U issa minn hawn jibda l-inkwiet hekk kif fadal 7 kontestanti oħra u ma fadal l-ebda siġġu ieħor.Min se jibqa’ u min se jinqala? Il-kompetizzjoni tiħrax sew minn dan il-mument!

9.27pm

Karin Duff hija l-parteċipanta li jmiss għal-lejla. Hija oħra li diġà konna rajna fl-ewwel edizzjoni ta’ dan il-programm. 

“Irrid nagħti prova li sirt aħjar mis-sena l-oħra,” qalet hi qabel ma wasslet l-interpretazzjoni tagħha tal-kanzunetta Dangerous Woman ta’ Ariana Grande.

“L-iktar wirja enerġetika li qatt rajt tiegħek,” ikkummentat Alexandra waqt li Howard jidher impressjonat bil-progress tal-kantanta mis-sena ‘l oħra. Għal Ray kienet waħda mill-isbaħ wirjiet fis-serata tal-lejla.

Ira wkoll impressjonata. Ikkummentat ukoll dwar il-fatt li għoġbitha l-għażla tal-kanzunetta tagħha llejla. “Dak is-siġġu huwa tiegħek,” qaltilha!

9.22pm

Fadal tlett siġġijiet u issa jmiss Julia Camilleri li nterpretat Ready or Not. Jinstema’ sew iċ-ċapċip fis-sala.

“Kanzunetta tajba iżda ma nemminx li kienet il-kanzunetta addattata għalik,” qaltilha Alexandra hekk kfi fis-sala beda l-ibbuwwjar.

Howard mhux konvint għall-aħħar b’din il-wirja  għalkemm iħoss li għalissa ħaqqha siġġu. Ray hu konvint li għandha ħafna aktar x’toffri.

“Jien irrid nara li lil min inwassal miegħi fil-Judges Houses u għal-live shows irid nara li jqanqlu l-emozzjonijiet. Għalissa ħaqqek siġġu,” qaltilha hekk kif jittieħed ir-raba’ siġġu.

9.15pm

“Illum għandi ħafna emozzjonijiet differenti. Għalkemm konna maqgħdin bejnietna, din hija kompetizzjoni u bilfors xi ħadd irid jibqa’ u xi ħadd jinqala’,” qalet Marija Bellia, it-tielet parteċipanta għal-lejla.

It-tfajla tinterpreta Bad Romance ta’ Lady Gaga, bid-differenza li bidlet biċċa mil-lirika, li kitbet hija stress.

L-udjenza għoġbitha u ħafna qamu bilwieqfa.

Alexandra tħoss li għandha tgħaddi għall-fażi jmiss. Howard ukoll, u jsostni li dawn huma l-wirjiet li jinteressawh. Jaqbel huwa wkoll li ħaddha siġġu. Tal-istess fehma huwa Ray Mercieca li għoġbu l-element ta’ kreattività ta’ Bellia.

Ira ma tantx għandha xi żżid ma dak li diġà qalu s-sħabha.

“Kont kunfidenti u kont qiegħda tieħu gost,” qaltilha. It-tielet siġġu jimtela’ wkoll!

9.06pm

Danika Cutajar hija t-tieni parteċipanta għall-lejla. Għaliha din hija t-tieni sena li qiegħda f’din il-fażi. Is-sena l-oħra kienet mal-grupp u hija ssemmi li kienet esperjenza li kienu l-ewwel grupp li ħa s-siġġu u l-aħħar grupp li tilef is-siġġu.

“Illum nittama li nimxi pass ieħor,” qalet hi qabel ma tat l-interpretazzjoni tagħha ta’ Seven Nation Army.

Alexandra kuntenta b’din il-wirja. Anki Howard kuntent. Ray ukoll jemmen li ħaqqha siġġu. It-tlieta li huma qablu li li għandha ħafna aktar x’tagħti.

“Stajt tagħti aktar grinta. Vokalment hemm ħafna arrafijiet li jogħġbuni,” kkummentat Ira waqt li qaltilha biex għalissa tieħu siġġu.

9.02pm

Jelena Attard hija l-ewwel parteċipanta għal-lejla fil-fażi taċ-Chair Challenge.

“Eċitata u nipprova nikkonċentra u ma nħallix l-eċitament jirkibni,” qalet hi qabel ma nterpretat il-kanzunetta Set Fire to the Rain.

Alexandra hija l-ewwel li tikkummenta. Tħoss li mhix ċerta jekk Jelena għandhix tkompli fil-kompetizzjoni. Min-naħa tiegħu Howard jinnota li t-tfajla hija eċitata. “Ma tistax tħalli dan l-eċitament jirkbek,” qalilha hu.

Ray jemmen li Jelena ħaqqha siġġu.

“Indubjament leħnek huwa b’saħħtu,” qaltilha Ira waqt li rrimarkat xi nuqqasijiet li kellha t-tfajla waqt il-wirja.

“Għalissa tista’ tieħu l-ewwel siġġu,” qaltilha Ira.

8.58pm

X Factor Malta llejla jibda bil-fażi tas-Six Chair Challenge u tibda l-kategorija ta’ Ira, dik tat-tfajliet.

newsbook.com.mt se jkun qed jaġġorna kontinwament hekk kif naraw min jieħu s-siġġu, min jaqla’ lil min u min finalment se jżomm is-siġġu u jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-Judges Houses.

“Mhux se tkun faċli għalijja. Mhux se tkun faċli għalikom,” tgħidilhom Ira.

Il-programm però jibda fuq nota mhux mistennija hekk kif waqt l-introduzzjoni tal-programm, Ben Camille jaqa’ minn fuq il-palk,.

“Għadni ħaj,” jgħid hu lill-udjenza hekk kif jerġa’ jitla’ u jintroduċi lill-erba’ membri tal-ġurija:  Ray Mercieca, Ira Losco, Alexandra Alden u Howard Keith Debono.