“Il-PM għandu jirriżenja, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-AĠ għandhom jinbidlu” – Adrian Delia

L-eku tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia lbieraħ fi Triq il-Bidnija, dewa mal-erba' ħitan tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

19:24 "You have to go" – Dr Delia lil Joseph Muscat 

19:15  Adrian Delia ddikjara li l-Oppożizzjoni lesta tgħin fl-investigazzjoni jekk il-Gvern jonora dawn it-talbiet.
19:13 “Il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat kellu obbligu li jħares il-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia”
19:09 Talab lill-Gvern biex jieħu dawn il-passi jekk fl-appell tal-bieraħ kien sinċier:

  • "B'mod immedjat għandu jitneħħa l-Kummissarju tal-Pulizija u mhux jagħżel ieħor il-Gvern"
  • "B'mod immedjat jinbdew il-proċeduri neċessarji biex jinbidel l-Avukat Ġenerali"
  • "B'mod immedjat jirriżenja l-Prim Ministru u jerfa' r-responsabbiltà tiegħu għal dak li ġara taħt it-tmexxija tiegħu f'dan il-pajjiż"

19:03 "L-Oppożizzjoni mhix se tinxtara" – Delia lill-PM. Żied jgħid li l-Oppożizzjoni trid tkun il-vuċi ta' dawk li l-Gvern ipprova jsikket. 
19:01 Lill-membri tal-Gvern, Dr Delia qalilhom: "Intom ukoll kontu parteċipi f’din l-istrateġija oxxena fejn il-pajjiż għama biex ma jarax il-ħażin". 
18:57 Minbarra l-Pulizija, semma istituzzjonijiet oħra li m'għamlu xejn quddiem dak li qed jiġri fil-pajjiż: fosthom l-Avukat Ġenerali
18:56 "F'pajjiżna kkrollat is-Saltna tad-Dritt – min qatel lil DCG seta' jagħmel dan mingħajr biża' li se ssir ġustizzja miegħu. 
18:51 Adrian Delia elenka lista ta' skandli tal-Gvern: l-iskandlu tal-Panama Papers, ta' Gaffarena, ta' Cafè Premier, tal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet, l-iskandlu tal-prekarjat bil-barka tal-Gvern, l-iskandlu tas-salarju ta' mart il-Ministru Mizzi, l-iskandlu tal-Bank Pilatus. 
18:50 Semma t-trasport – "nikkonfondu li se naslu tard, meta lbieraħ fil-karozza, kien hemm min ma wasal qatt".
18:46 Qabad tema tema, tas-suġġetti fil-baġit, u jistaqsi kif wieħed jista’ jitkellem fuq l-edukazzjoni, is-saħħa u t-turiżmu, meta s-sigurtà ma teżistix – “pajjiż żona ta’ gwerra”. 
18:45 "Kif tista' ssabbar tifel li tilef lil ommu u li ra x-xena makabra li hi sinonima ma' xena ta' gwerra?"
18:43 "Il-ħajja tal-Maltin inbidlet mill-bieraħ"
18:42 Filwaqt li esprima l-kondoljanzi lill-qraba ta' DCG, Delia qal li mhux se jagħmel diskors tal-baġit kif kien skedat. 
18:41 Delia qal li l-Prim Ministru lbieraħ beża’ jerfa’ r-responsabbiltà u jammetti l-ħtija tal-kollass tas-Saltna tad-Dritt, biex tirrenja l-liġi tal-ġungla.
18:35 "Fiċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom, jien inqast quddiem dak li ġara". Żied jgħid li naqas meta ħaseb li l-libertà tal-espressjoni li tant jiġġieled għaliha l-PN kienet garantita fil-pajjiż. 
18:15 Diżgwid bejn membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra, dwar jekk dak tal-bieraħ kienx 'assassinju' jew 'qtil'. 
18:02 Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi jwieġeb għal diversi mistoqsijiet dwar il-ġustizzja. 
18:00 Tibda s-seduta parlamentari tal-lejla. Fil-ħin tal-mistoqsijiet jiddomina l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. 
Fi stqarrija b'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li minflok għadda messaġġ ta' għaqda nazzjonali, il-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li jintilef f'retorika partiġġjana maħsuba biex tifred lill-poplu.  Żied jgħid li l-ġustizzja ma ssirx bit-tgħajjir u bl-allegazzjonijiet bla bażi, iżda b'investigazzjonijiet serji.