Filmat: Il-helpline tal-coronavirus diġà rċieva 13,000 telefonata

Aġġornat 02:45 PM
Mater-Dei-Coronavirus

Il-helpline il-ġdid tal-coronavirus, 111, irċieva 13,000 telefonata minn meta beda ftit tal-jiem ilu. Dan qalitu d-Direttur għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard Dr Paula Vassallo ma’ Newsbook.com.mt.

Dr Vassallo kkonfermat li fost it-telefonati, kien hemm uħud li kienu ġejjin minn persuni li kienu qed joqgħodu f’lukandi. Hi kompliet tgħid iżda li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tkun qed toħroġ b’mod aktar sħiħ u dettaljat aktar tard.

Intant l-iswab tests li ntalbu jsiru minn lukandi kollha rriżultaw fin-negattiv.

L-awtoritajiet tas-saħħa indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fil-foyer tal-Infectious Diseases Unit (IDU) fl-Isptar Mater Dei. Tim ta’ professjonisti tas-saħħa bil-kmiem imxammra u l-ingravajjet moħbija fil-qmis indirizzaw lill-midja. Qabel il-konferenza tal-aħbarijiet, l-awtoritajiet tas-saħħa spjegaw li dan il-protokoll jiġi adottat mit-tobba sabiex ikun hemm mill-inqas trażmissjoni ta’ mikrobi minn pazjent għall-ieħor.

L-awtoritajiet tas-saħħa żammew il-pubbliku aġġornat dwar l-ilbies protettiv li għandu jintlibes mill-professjonisti tas-saħħa, it-taħriġ mediku li qed jingħata u l-kundizzjoni tat-tliet persuni li ttestjaw pożittiv għall-covid-2019.

Dr Chris Barbara, iċ-Chairperson tad-Dipartiment tal-Patoloġika fl-Isptar Mater Dei qal li għall-kuntrarju ta’ ġranet oħrajn, il-professjonisti tas-saħħa llum għamlu biss żewġ swab tests. Sat-tmiem tal-konferenza tal-aħbarijiet ġie mħabbar li ż-żewġ persuni ttestjaw fin-negattiv għall-virus.

It-tliet individwi li ttestjaw pożittiv għall-coronavirus jinsabu f’kundizzjoni stabbli, skont Dr Charles Mallia Azzopardi li jmexxi l-IDU. Mistoqsi x’jiġri meta dawn ikunu waslu biex joħorġu mill-isptar, Dr Mallia Azzopardi qal lil Newsbook.com.mt li hemm diversi fatturi li wieħed irid jikkunsidra, inkluż li jkunu suġġetti għal swab test ieħor qabel ma jitħallew joħorġu lura fil-komunità.

“Wieħed irid jara l-kundizzjoni tagħhom wara l-perjodu li fih ikunu qed jiġu rikoverati u fejn imorru wara li jiġu rilaxxati mill-isptar,” Dr Mallia Azzopardi qal. Hu żied jgħid li meta jiġu rilaxxati jridu jmorru f’post sigur.

It-tliet pazjenti Taljani, tifla ta’ 12-il sena u l-ġenituri tagħha jinsabu f’kundizzjoni stabbli. It-tobba sostnew li l-kundizzjoni tagħhom mhux mistennija tmur għall-agħar. Minkejja dan għad ma hemmx data fissa meta dawn mistennija jiġu rilaxxati.

L-awtorijiet qalu li dawk kollha li ġew f’kuntatt mal-familja għaddew minn testijiet u rriżultaw kollha fin-negattiv.

Il-midja kellha l-opportunità li tara l-attrezzaw protettiv personali filwaqt li infermiera tal-IDU wriet kif dan jintlibes.