L-avukati ta’ Yorgen Fenech jirtiraw rikors għal-libertà effettiva tiegħu

18:10 L-avukati ta’ Fenech jiskużaw ruħhom tal-inkonvenjent li ħolqu.

18:07 Il-Maġistrat jerġa’ jidħol fl-awla. L-avukati ta’ Fenech jikkonfermaw li jixtiequ jirtiraw ir-rikors. Jgħidu li fiċ-ċirkostanzi mhux mistennija fejn fil-Belt Valletta għaddejja protesta, għas-sigurtà ta’ Fenech qed jirtiraw ir-rikors.

18:03 Il-kawża bħalissa tinsab posposta sakemm jasal Fenech.

17:53 L-avukati ta’ Fenech għamlu kuntatt ma’ Fenech. Jintqal li jista’ jkun hawn siegħa oħra.

17:51 Il-Maġistrat jgħid li r-rikors jista’ jiġi rtirat jew inkella Fenech jista’ jidher illum. L-avukati tad-difiża jsemmu li Fenech jista’ jkun fil-periklu minħabba s-sitwazzjoni kurrenti f’Malta u din hija wkoll waħda mir-raġunijiet għalfejn Fenech ma ġiex magħhom.

17:50 L-avukati ta’ Fenech jgħidu li mhux indispensabbli li Fenech jidher fil-Qorti.

17:48 L-avukati ta’ Fenech qed jippruvaw jissotomettu rikors. Il-Qorti tgħid li messu deher ukoll Fenech. L-avukati ta’ Fenech qalu li Fenech jinsab għajjien.

L-avukati ta’ Fenech qed jgħidu li mhux sew li hu mhux qed jingħata libertà effettiva. Dan għaliex Fenech ġie arrestat u meħlus għal numru ta’ drabi. Skont il-liġi, il-Pulizija ma tistax iżżomm persuna taħt arrest għal aktar minn 48 siegħa mingħajr ma tressaqa l-Qorti.

L-avukati ta’ Yorgen Fenech qed jallegaw li l-klijent tagħhom qed jiġi miċħud mil-libertà tiegħu b’mod illegali. It-terminu legali tar-rikors tagħhom huwa Habeas Corpus.

17:46 L-avukati ta’ Yorgen Fenech qed jidhru fil-Qorti.

Yorgen Fenech qed jiftaħ kawża oħra biex il-Qorti tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Gvern li ma jagħtihx proklama, tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu.