Filmat: Illum tiġġedded iż-żgħożija tal-Knisja – l-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=PMdwvBvW86Y]

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li ż-żgħożija tal-Knisja tiġġedded illum f’Sibt il-Għid.
Waqt il-Quddiesa tal-Vġili tal-Għid li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, l-Arċisqof qal li permezz ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, l-għejja u d-dipressjoni tiġġeded permezz tal-enerġija u l-ġenerożità taż-żgħażagħ.
Fi kliem Mons. Scicluna, l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù kien avveniment li ġara tassew. Qal li l-Insara tal-lum jemmnu fih għaliex mhumiex xhieda diretti ta’ dan l-avveniment. Spjega li dan it-twemmin jgħaddi minn ġenerazzjoni ta’ Nsara għal oħra.
Waqt l-omelija tiegħu, l-Arċisqof fakkar kif it-twemmin f’dan il-mument “storiku” jagħmel mill-Insara dak li huma. Spejga li dan jiġifieri li l-Għid jagħti sinifikat lit-twemmin Nisrani.
L-Arċisqof qal li f’dan il-jum xtaq jiffoka fuq żagħżugħ fuq il-lemin liebes libsa bajda. Qal li ż-żagħżugħ iwassal messaġġ ta’ aħbar tajba. Stqarr li l-libsa l-bajda tfakkar fit-trasfigurazzjoni tal-Mulej fuq il-muntanja u kif ukoll fil-libsa tal-magħmudija.
Waqt il-Vġili Solenni l-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra l-Magħmudija, l-Griżma u Tqarbin lil seba’ katekumeni, jiġifieri persuni li jsiru Nsara meta jkunu adulti. Huwa qal li dawn kienu ġejjin mill-erba’ rkejjen tad-dinja. Però, żied jgħid li llum qed jitkellmu bl-istess lingwa bħal ħuthom – il-lingwa tal-fidi Nisranija.
Iż-żgħożija reġgħet kienet fiċ-ċentru taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika bit-tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ, imsejjaħ mill-Papa Franġisku. Is-Sinodu se jsir f’Ottubru li ġej fil-Vatikan.
Tista' tara r-ritratti li ttieħdu waqt il-quddiesa hawn.
Ritratt: Kurja – knisja.org/ritratti