‘Nagħtu ħajjitna għall-persuni li ġew fdati lilna’ – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li l-mexxejja tal-Knisja għandhom jagħtu ħajjithom għall-persuni li ġew fdati lilhom. Mons. Scicluna kien qed jindirizza s-summit li għadu kif beda fil-Vatikan fejn tkellem fost l-oħrajn dwar il-protezzjoni tal-minuri fil-Knisja.

Waqt il-preżentazzjoni tiegħu, l-Arċisqof sostna li huma ġew fdati bil-protezzjoni tal-poplu ta’ Alla u saħaq li huwa d-dover sagru tagħhom li jipproteġu lin-nies. L-Arċisqof sostna li jridu jassiguraw li ssir ġustizzja meta jkun hemm każi ta’ abbuż. Kompla jispjega kif il-mod li bih l-isqfijiet u s-superjuri reliġjużi jeżerċitaw il-ministeru tagħhom u jkunu ta’ servizz għall-ġustizzja huwa wieħed mill-eżamijiet fundamentali tat-tmexxija tagħhom u tal-fedeltà tagħhom.

L-Arċisqof ikkwota lill-Papa Benedittu XVI fl-ittra tiegħu lill-poplu Irlandiż, li huwa biss permezz ta’ eżaminazzjoni bir-reqqa tal-elementi kollha li wasslu għall-kriżi preżenti, li wieħed ikun jista’ jagħmel d-dijanjożi u jinstabu r-rimedji effettivi.

L-Arċisqof Scicluna sostna li hemm bżonn ta’ azzjonijiet urġenti biex jindirizzaw il-każijiet tal-abbuż, u semma kif hemm proċeduri inadegwati biex jiddeterminaw il-kandidaturi, formazzjoni insuffiċjenti fis-seminarji, tendenza li s-soċjetà tippreferi l-kleru u l-awtoritajiet fis-soċjetà u tħassib mhux f’postu biex jiġi evitat l-iskandlu, li qed iwassal biex ma jingħatax kastig kanoniku.

‘Il-komunità għandha d-dritt u dmir li tirrapporta’

Mons. Scicluna saħaq li l-komunità għandha d-dritt u d-dmir li tirrapporta każijiet ta’ mġiba sesswali mhux xierqa u abbuż sesswali. Spjega kif dawn ir-rapporti għandhom isiru mal-persuna inkarigata fid-djoċesi. Huwa saħaq dwar l-importanza li l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli u li tista’ tinstab malajr. Saħaq dwar il-bżonn li jkun hemm il-protokolli stabbiliti li għandhom jiġu rispettati filwaqt li l-liġijiet domestiċi u ċivili għandhom jiġu obduti. Mons. Scicluna kompla jispjega kif kull allegazzjoni ta’ abbuż għandha tiġi investigata mill-esperti mingħajr dewmien. Kompla jispejga li r-Review Boards li ġew imwaqqfa kienu ta’ benefiċċju. Huwa u jindirizza lill-isqfijiet preżenti, l-Arċisqof sostna li wieħed ma għandux jissottovaluta l-bżonn li jikkonfronta lilu nnifsu u jħares lejn il-ġrieħi psikoloġiċi u spiritwali kkawżati minn membri tal-kleru.

Dwar il-vittmi tal-abbuż, l-Arċisqof saħaq dwar il-bżonn li dawn jingħataw l-għajnuna kollha li għandhom bżonn. Huwa saħaq li meta jkun hemm każi ta’ abbuż jew imġiba sesswali ħażina wieħed għandu jikkonsulta mal-esperti tal-liġi kanonika fuq il-każijiet kollha biex b’hekk il-każ jiġi rreferut skont il-proċeduri. Kompla jispjega kif l-esperti mbagħad jgħinu lis-superjuri biex jgħaddu l-informazzjoni lill-kongregazzjoni tad-Duttrina u jsegwu l-parriri li jingħataw.

Aqra d-diskors sħiħ tal-Arċisqof