Aġġornata: ‘Ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi’ – L-Arċisqof Scicluna

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li ħadd mhuwa ‘l fuq mil-liġi, waqt li qed iwieġeb mistoqsija matul il-konferenza stampa li saret fis-Sala Stampa tal-Vatikan, dwar il-preżentazzjoni tal-Ittra Appostolika Motu Proprio “Vos estis lux mundi” (Intom id-dawl tad-dinja).

AQRA: Illum jibda s-Summit fil-Vatikan

L-Ittra Appostolika hi l-ligi l-ġdida ppromulgata mill-Papa Frangisku u titratta l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq il-minuri, il-persuni vulnerabbli jew abbuzi bi vjolenza, theddid jew abbuz ta’ awtorità.

Monsinjur Scicluna ddeskriva d-dokument bħala wieħed importanti u gwida ċara kif wieħed għandu jieħu azzjoni ladarba abbuż sesswali fuq il-minuri jiġi rrappurtat. Saħaq li l-ittra hi bbażata fuq prinċipji ta’ trasparenza u kontabbilità kif ukoll ssaħħaħ il-komunitajiet meta l-awtoritajiet Ekkleżjastiċi ifallu milli jagħmlu xogħolhom.

AQRA: Ikompli s-summit fil-Vatikan dwar il-protezzjoni tal-minorenni

L-Arċisqof Scicluna qal li fl-Ittra Appostolika ppreżentata mill-Papa Franġisku, ġie enfasizzat il-bżonn li jkun hemm responsabbilità minn naħa tal-adulti li huma responsabbli għat-tfal u persuni vulnerabbli. Sostna li l-Ittra Appostolika tiddefinixxi b’mod innovativ it-terminu ‘persuna vulnerabbli’ filwaqt li spjega li r-rapport tal-abbuż huwa obbligazzjoni universali. Huwa saħaq dwar l-importanza li l-persuna li tirrapporta l-abbuż għandha tiġi protetta.

Monsinjur Scicluna spjega li d-dokument ippreżentat mill-Papa Franġisku jobbliga kull djoċesi li jkollha strutturi mhux biss biex jgħinu biex l-abbuż jiġi rrappurtat iżda wkoll lill-vittma u lill-qraba. Dawn l-istrutturi għandhom jgħinu biex b’hekk il-vittma u l-qraba jkunu jistgħu jkomplu b’ħajjithom.

‘Ħadd mhuwa ‘l fuq mil-liġi’

L-Arċisqof Scicluna sostna li d-dokument jelenka wkoll kif wieħed jista’ jinvestiga persuni li huma mlaħħqa fil-Knisja. Spjega li dan juri u jagħti l-messaġġ li m’hemmx immunità f’każijiet ta’ abbużi sesswali u li l-mexxejja mhumiex protetti bil-Liġi Kanonika.

Saħaq li l-isqfijiet jaqgħu direttament taħt ir-responsabbilità tal-Papa u li l-messaġġ huwa ċar: ħadd mhuwa ‘l fuq mil-liġi. Monsinjur Scicluna sostna li b’dan il-mod mhux qegħdin jinterferixxu mal-ġurisdizzjoni tal-istat, bl-istat jista’ jipproċedi b’mod indipendenti. L-Arċisqof sostna li l-Papa Franġisku jixtieq lin-nies jitkellmu meta xi ħaġa tiġri filwaqt li l-vittma għandhom ikunu mgħejjuna biex jegħlbu dak li ġarrbu.

L-Isqof Juan Ignacio Arrieta Ochoa de Chinchetru li kien qed jindirizza l-konferenza stampa flimkien mal-Arċisqof Scicluna, qal li d-dokument juri b’mod ċar kif wieħed għandu jipproċedi fuq każijiet ta’ abbuż skont il-Liġi Kanonika.

AQRA: Abbużi sesswali: Jinbidel il-pjan għall-Arċisqof minħabba ittra

AQRA: Beda l-proċess ta’ fejqan fil-kriżi dwar l-abbużi sesswali

AQRA: Talb għall-vittmi tal-abbużi sesswali fil-parroċċi kollha fl-Irlanda