Filmat: Intervista mal-Arċisqof Charles Scicluna

Read in English.

12:52 L-intervista tintemm hawn. Grazzi talli kontu magħna.
Sephora Francalanza
12:50 Mistoqsi fuq il-Papa Benedittu XVI u l-Papa Franġisku; x'kienet ir-reazzjoni tiegħu għall-film The Two Popes?

Jgħid li għoġbu ħafna għax magħmul tajjeb ħafna. Ammetta li jaf liż-żewġ persuni fir-realtà. "Lill-Papa Benedittu ta' Anthony Hopkins m'għaraftux; mhux il-Papa Benedittu li naf jien." Fl-istess waqt, ħass li l-interpretazzjoni tal-Papa Franġisku kienet leali ħafna lejn il-Papa nnifsu.
Sephora Francalanza
12:46 L-ewwel laqgħa tal-Arċisqof mal-Prim Ministru Robert Abela:

Jgħid li l-ewwel darba li ltaqa' ma' Abela personalment kien fil-Milied meta mar isellem lill-mistednin tal-ikla tal-Milied tal-Caritas. "L-ewwel ħaġa li laqtitni hija li ssuġġerixxa li niltaqgħu d-Dar tal-Kleru." Qal li ltaqgħu f'ambjent fejn il-karità tal-Knisja mhijiex paroli imma fatti.

L-Arċisqof qal li hemm ħafna proġetti bejn il-Knisja u l-istat. Tkellmu dwar awtonomija reċiproka tat-tnejn. Qal li din hi ħaġa li tatu kuraġġ kbir. L-Arċisqof qal li Abela kien ċar u tond li hu kontra l-abort, u li jirrikonoxxi l-irwol tal-Knisja f'Malta, f'kuntest ta' libertà reliġjuża lejn kulħadd.

Qal li jeħtieġ li Abela jingħata kull sapport u kull sostenn, biex il-poplu Malti jingħata sinjali konkreti ta' tama.

"Huwa bniedem intelliġenti, mimli enerġija, għandu l-kuraġġ jieħu deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu. Il-Knisja mhix se tgħid lill-PM x'għandu jagħmel."

Jgħid li Robert Abela kien konsulent legali tal-Caritas mingħajr ma jieħu ħlas.
Sephora Francalanza
12:44 Mistoqsija: Meta l-Knisja se tistma lil min ma jħaddanx l-istess politika tagħha?

Mons. Scicluna qal li l-Knisja m'għandha tirkeb fuq l-ebda karru partiġġjan. Qal li hemm bżonn li l-Knisja tagħmel ħilitha biex il-messaġġ tagħha jasal b'mod rispettuż.

"Meta l-Knisja tikkritika, dan isir biex tagħmel il-ġid." Jgħid li se jkompli jitkellem fejn iħoss li għandu jitkellem. Fl-istess waqt, qal li jifhem li l-passat ma jistax iħassru, imma ma jaqtax qalbu.
Sephora Francalanza
12:43 "Il-ġenju Kattoliku mhux tagħmel ħaġa u tneħħi l-oħra, imma żżid ma' li jkun hemm."
Sephora Francalanza
12:42 Isemmi l-inawgurazzjoni ta' Dar Alberto Marvelli, residenza għaż-żgħażagħ bla dar, bħala eżempju, u jgħid li dan hu l-gost tiegħu, meta l-għaqdiet tal-Knisja f'Malta jirrispondu għall-bżonn konkret.
Sephora Francalanza
12:38 Mistoqsija oħra hija dwar kif qed jintlaħqu dawk li jwarrbu r-reliġjon.

Mons. Scicluna jgħid li li tiġġeneralizza li m'hawn l-ebda saċerdot li joffri id ta' ħbiberija lil min hu mwarrab mhuwiex sewwa. "Għandna wkoll id-difetti tagħna," stqarr l-Arċisqof.
Qal li hu jkollu jaffaċċja difetti kbar tal-Knisja – "tumilja ruħek kontinwament."

Stqarr li ma jistax jinjora l-karba tan-nies, u lanqas il-fatt li hawn ħafna nies li ma jipprattikawx il-fidi.

Qal li hemm bżonn tingħata t-tama lill-poplu, u li l-Knisja tkellem lill-poplu dwar il-prinċipji tas-sewwa.

Jgħid li b'dak li tagħmel il-Knisja f'Malta hija preżenti, pereżempju bil-Caritas.
Sephora Francalanza
12:35 Fr Joe Borg jistaqsi lil Mons. Scicluna mistoqsija ta' qarrej dwar jekk il-parroċċa tax-Xemxija għandhiex tkun dedikata lil San Luqa.

L-Arċisqof jikkjarifika li din mhix parroċċa – tagħmel mal-parroċċa ta' San Pawl il-Baħar. Semma li Malta hawn postijiet imsemmijin għal San Pawl u anke għal San Luqa. "Veru m'għandniex parroċċa dedikata lil San Luqa… m'iniex beħsiebni nwaqqaf parroċċi ġodda."

Qal li l-Maltin għandhom dejn kbir ma' Luqa peress li l-Atti tal-Appostli miktub minnu, apparti li kien kumpann ta' San Pawl, anke meta ġie Malta.

Mons. Scicluna qal li n-Nunzju fakkru li l-kappella tan-Nunzjatura hija dedikata lil San Luqa.
Sephora Francalanza
12:34 Mistoqsija oħra: Il-vittmi tal-abbuż se jieħdu kumpens?

L-Arċisqof: Il-prinċipju hu li min jagħmel il-ħsara jrid iħallas għaliha. Mons. Scicluna qal li kull vittma għandha d-dritt tieħu l-kumpens minn min għamlilha l-ħsara.
Sephora Francalanza
12:33 Fr Joe Borg jindirizza l-mistoqsijiet mibgħuta mill-qarrejja lill-Arċisqof.

Qarrej staqsa dwar l-omeliji, għax qal li jippreferi omeliji qosra.

Mons. Scicluna qal li jekk ma tkunx kapaċi twassal il-messaġġ f'10 minuti, tgħajjih u taqtagħlu qalbu. Qal li m'ilux fakkarhom li omelija m'għandhiex tkun twila ħafna.
Sephora Francalanza
12:31 Isemmu meta l-Papa Franġisku sejjaħ lill-Maltin "bravi."

Mons. Scicluna qal li "kull meta jarana l-Papa jaf li għandu open invitation."

Jgħid li meta l-Papa jiltaqa' mal-Maltin jaħseb f'dan il-poplu fil-periferija tal-Ewropa li jkollu l-isfida kbira li jilqa' lil gruppi ta' immigranti u jurihom imħabba u ġenerożità.
Sephora Francalanza
12:30 Irrakkonta li ħaddiem qata' sebgħu, min kien qed iħaddmu ppanikja, daħlu ġo karozza u minflok ħadu l-isptar, ħadu għand Patri Dijonisju u qallu, "Issa ara x'se tagħmel bih."

Mons. Scicluna qal li sitwazzjonijiet bħal dawn ma jagħmlulniex ġieħ.
Sephora Francalanza
12:29 Mons. Scicluna semma li taqsam qalbek tisma' lill-immigranti jitolbu lill-isqof jgħid lill-imgħallmin u l-kuntratturi biex jaraw li jkollhom is-sigurtà f'siti tal-kostruzzjoni.
Sephora Francalanza
12:28 Fr Joe jsemmi storja li immigrant mar l-isptar u qal li ttajjar minn karozza, iżda dan ma kienx minnu, għax fil-verità huwa kien weġġa' fuq sit tal-kostruzzjoni, u l-kuntrattur qallu biex ma jgħidx il-verità.
Sephora Francalanza
12:27 L-Arċisqof jgħid li sitwazzjonijiet bħal dawn ma jagħmlulniex ġieħ. Jgħid li jaf ħadem bla ktieb, iżda ħadem.

"L-Isqof ma jistax jinjora l-preżenza ta' dawn ħutna. Irid jgħin lil kulħadd biex nifhmu li aħna bnedmin."

Qal li mhux japprova l-ebda att ta' vjolenza, iżda hemm bżonn li kulħadd jitgħallem jgħix flimkien u jġib rispett lil xulxin.
Sephora Francalanza
12:26 L-Arċisqof jirrakkonta storja li ġrat lil immigrant li għamel xahrejn jaħdem ġo bar f'Malta.

Is-sid irrifjuta li jħallsu u keċċieh. Patri Dijonisju Mintoff akkumpanja lil dan l-immigrant il-bar, u s-sid Malti qallu, "Int tindaħalx." Is-sid ċaħad li jaf lill-immigrant.
Sephora Francalanza
12:24 Mistoqsi dwar l-immigranti, l-Arċisqof qal li jaħseb li hemm bżonn li nieħdu ħsieb kemm il-Maltin, kif ukoll l-immigranti. Qal li jekk persuna qed tħabbat fuq xtutna, ma tistax tiġi injorata.

Semma li wieħed mill-immigranti fil-Laboratorju tal-Paċi qallu li huma lkoll parti mill-merħla tiegħu. Qal li meta jisma' lil wieħed mill-immigranti jsemmilu hekk, iħoss responsabbiltà li lill-poplu Malti jgħinu jifhem li dawn il-persuni qegħdin fostna, u għandhom id-dritt li jiġu ttrattati b'dinjità.
Sephora Francalanza
12:23 Fr Joe Borg isemmi żewġ blogers li kitbu fuq dan is-suġġett fuq Newsbook, l-Avukat Kevin Mompalao u Iggy Fenech, li t-tnejn ħassew li hu inġust li sar dan l-attakk fuq l-Arċisqof.

Mons. Scicluna: "Li isqof tneżżgħu mid-dinjità tiegħu u timplika li hu parti minn sistema li tabbuża t-tfal m'intix iddaħħak imma qed titfa' t-tajn."
Sephora Francalanza
12:22 L-Arċisqof qal li japprezza s-satira, u bħalma jkun hemm karru fuq l-Arċisqof, l-istess ikun hemm fuq il-politiċi.

"Li tassoċja l-Arċisqof mal-abbuż tat-tfal ma naħsibx li hija satira." Qal li wieħed irid jiddistingwi meta l-arti ma tibqax espressjoni tas-satira imma ssir tfigħ tat-tajn.

Iħoss li hu inġust li hu ġie assoċjat mal-abbuż tat-tfal – "irid ikollok malizzja partikolari."

Qal li ma jaħsibx li l-Karnival huwa l-mument propizju.
Sephora Francalanza
12:20 Fr Joe Borg jibda b'referenza għall-ktieb In the Name of the Rose sabiex jistaqsi lill-Arċisqof dwar il-karru kontroversjali li deher il-ġimgħa l-oħra li ssatirizza lill-Arċisqof u lid-Dar San Ġużepp.
Sephora Francalanza
12:20 Tibda l-intervista.
Sephora Francalanza
12:20 Nilqgħukom għal dan ir-rappurtaġġ live tal-intervista mal-Arċisqof Charles Scicluna.
Sephora Francalanza

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna huwa l-mistieden ta’ Newsbook.com.mt illum it-Tnejn 27 ta’ Jannar. Huwa se jkun intervistat minn Fr Joe Borg filwaqt li se jwieġeb il-mistoqsijiet li bagħtu l-qarrejja ta’ Newsbook.com.mt.

Ripetizzjoni ta’ din l-intervista se ssir it-Tlieta bejn is-1pm u s-2pm waqt Newshour fuq l-istazzjon tar-radju 103.