“Anke l-ommijiet u l-ġirien tal-lum jistgħu jkunu qaddisin” – l-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=5-CDLieH5wk]

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Papa Franġisku qed “iniżżel” il-qdusija minn fuq pedestall biex issir messaġġ attwali għall-ommijiet, in-nanniet u l-ġirien tal-lum, li jagħmlu ġesti żgħar ta’ kuljum. 
Huwa qal dan waqt li ppreżenta l-verżjoni bil-Malti tal-eżortazzjoni appostolika l-ġdida tal-Papa Franġisku 'Gaudete et Exsultate', li tfisser ‘Ifirħu u Thennew” li saret fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal Virtu’ fir-Rabat. 
F’din l-eżortazzjoni, spjega kif il-Papa Franġisku jitkellem dwar is-sejħa għall-qdusija fid-dinja tal-lum, li jgħid hi sejħa universali, jiġifieri għall-bnedmin kollha u mhux għall-Insara biss. 
“Nevitaw xbieki ta’ vendetta fuq l-oħrajn”
Fl-ispjegazzjoni tiegħu, l-Arċisqof Scicluna jgħid li l-Insara jistgħu jsibu ruħhom f’nofs xbieki ta’ skambji fuq l-internet, li qal jistgħu jimbuttaw individwi jbattlu b’rabja x-xewqat ta’ vendetta fuq l-oħrajn. 
Jaċċenna għal dak li sejjaħ bħala “dualiżmu perikoluż ta’ xi Nsara” li filwaqt li jgħidu li qed jiddefendu l-fidi, fl-istess nifs ma jurux karità lejn xulxin. 
“Il-Papa ma jridx qaddisin b’wiċċ ta’ qrusa”
L-Arċisqof jitkellem dwar il-ferħ u s-sens tal-umoriżmu fejn jgħid li l-Papa ma jħobbx “qaddisin b’wiċċ ta’ qrusa jew li jgergru”.
Fl-eżortazzjoni appostolika tiegħu, il-Papa Franġisku jsemmi “l-lotta spiritwali” li titlob kuraġġ fit-taqbida kontinwa biex il-bniedem jagħmel festa għal kull rebħa t’Alla fuq ix-xitan. 
Jikkwota wkoll dak li l-Papa sejjaħ bħala l-“korruzzjoni spiritwali” li jgħid hija agħar mill-waqa’ tal-midneb, għax fl-aħħar iwassal biex kollox jidher leċitu. 
“Ġenituri, nanniet u anzjani jistgħu jkunu qaddisin”
Bħala eżempju semma kif jistgħu iwieġbu għas-sejħa tal-qdusija anke ġenituri li jistinkaw għal uliedhom, nanniet li jgħallmu bis-sabar lit-tfal kif jimxu wara Ġesu’, reliġjuzi anzjani li jibqgħu bi tbissima fuq wiċċhom, u persuni li jibqgħu jgħixu bil-perseveranza kollha.
Għalhekk, jgħid li l-qdusija mhijiex biss għal min jagħżel stat iktar perfett tal-ħajja, u stqarr li l-qdusija mhijiex xi bravura personali, iżda frott l-Ispirtu s-Santu.  
“Il-qdusija tikber bil-ġesti żgħar ta’ kuljum” 
L-Arċisqof Scicluna għadda biex jitkellem dwar kif din il-qdusija tkompli tikber b’ġesti żgħar u umli, u saħaq li din hija tema għażiża ħafna għall-Papa Franġisku, għax huwa ma jiddisprezzax il-ġesti ż-żgħar. 
Żied jgħid li l-Papa jisħaq ħafna dwar l-ispazju biex il-bniedem jevita d-distrazzjonijiet li qed jinvadu l-ħajja tal-lum.
L-Arċisqof Scicluna jaċċenna għal kif anke f’din l-eżortazzjoni, il-Papa Franġisku jitkellem dwar il-ferħ u l-hena tal-ħajja Nisranija kif jixhed it-titlu stess tal-eżortazzjoni, ‘Ifirħu u Thennew’. 
Qal li dan huwa l-istess kliem li Ġesù jgħid lil dawk li huma ppersegwitati jew umiljati għaliex jimxu warajh.
Isemmi kif hemm kontinwità sħiħa mal-eżortazzjonijiet l-oħra li ħareġ il-Papa iktar kmieni, meta jkompli jittratta l-elementi tal-ferħ, it-tifħir u l-hena tal-imħabba. 
“Li tkun Isqof mhuwiex xi klabb tal-elite”
Tkellem ukoll dwar l-insistenza tal-Papa li m’hemmx bżonn li nkunu Isqfijiet biex insiru qaddisin u sostna li dan mhuwiex xi klabb tal-elite.  L-Arċisqof qabbel il-qdusija dan ma’ siġra li kuljum ittella’ werqa ġdida.