Filmat: Meta jitkellmu l-Maltin mhux dejjem ifaħħru lil Alla – l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Maltin għandhom ħafna x’jitgħallmu mingħand Żakkarija, missier Ġwanni l-Battista, għax meta l-Maltin jitkellmu mhux dejjem ikunu qed ifaħħru lil Alla.

L-Arċisqof qal dan waqt l-omelija tiegħu fil-quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-festa tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista.

Fakkar fi kliem San Ġorġ Preca li kien jgħid li għal ħafna nies Alla huwa “żero kbir”. Żied jistaqsi x’kien jgħid San Ġorġ illum il-ġurnata li kieku kellu jħares lejn is-soċjetà tal-lum.
L-Arċisqof talab għall-interċessjoni ta’ Ġwanni l-Battista biex jagħti sens ta’ reverenza u biża’ ta’ Alla lill-bniedem biex ma jkollux problema jċekken lilu nnifsu.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li t-twelid ta’ Ġwanni l-Battista u ta’ Ġesù huma marbutin mal-istaġuni. Qal li skont it-tradizzjoni, il-festa tat-twelid ta’ Ġwanni kienet magħrufa bħala l-‘Milied fis-Sajf’. Qal li mbagħad sitt xhur oħra jiġi ċċelebrat il-milied il-propja.

Waqt l-omelija tiegħu, Mons. Scicluna spjega li dak li qed jiġi ċċelebrat huwa l-aħbar it-tajba ta’ Alla li wera ħniena ma’ Eliżabetta u ma’ Żakkarija. Qal li dak iż-żmien il-ġierien marru għand Eliżabetta u bdew jifirħu magħha. Qal li t-twelid ta’ Ġwanni l-Battista jnissel ferħ li huwa sinjal li hemm il-preżenza ta’ Alla. Żied jgħid il-kelma ferħ tinstema’ wkoll fil-lejl tal-Milied meta l-anġlu tal-Mulej iħabbar “ferħ kbir” – it-twelid tas-salvatur.

Mons. Scicluna qal li l-ferħ huwa stedina għall-għaqda u l-ammirazzjoni tal-ħniena li Alla juri mal-poplu tiegħu.

L-Arċisqof għamel referenza wkoll għall-mument meta l-ġenituri ta’ Ġwanni t-tnejn qablu dwar l-isem tiegħu – ħaġa qal li mhux soltu ssir mal-ewwel. Qal li dan ġab stgħaġib flimkien ma atteġjament li baqa’ jikber meta Alla wera ħniena ma’ Żakkarija billi reġa’ fetaħlu fommu biex ikun jista’ jitkellem u jfaħħar lil Alla.

L-Arċisqof kompla jirrakkonta li dak iż-żmien il-ġierien imbagħad qabadhom il-biża’. Spjega li ħafna drabi l-biża’ fl-iskrittura hija referenza għar-reazzjoni tal-umanità quddiem id-divin. Qal li dan mhux xi terrur imma d-don tal-ispirtu ta’ Alla li l-bniedem isejjaħ il-biża’ ta’ Alla. Skont Mons. Scicluna, illum il-ġurnata s-soċjetà qed titlef din il-biża’ tal-Mulej. “Alla donnu m’għadu jbeżża’ lil ħadd,” qal Mons. Scicluna.

Filmat: Il-Knisja f’Malta