Filmat: “Agħti lil Malta sliem mibni fuq il-ġustizzja” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Maltin iridu jitolbu lil Alla biex jagħti lil Malta sliem mibni fuq il-verità, il-ġustizzja u s-solidarjetà.

Hekk temm l-omelija tiegħu fil-quddiesa ta’ tmiem is-sena l-Arċisqof. L-Arċisqof Charles Scicluna qed jiċċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr fi tmiem is-sena 2019 flimkien mal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Ġimgħa wara t-twelid ta’ Ġesù, qal Mons. Scicluna, illum niċċelebraw l-isem tiegħu bit-tifsira ta’ ‘Alla jsalva’. Illum qal Mons. Scicluna, “ukoll tmint ijiem fuq it-twelid tiegħu, niċċelebraw mhux biss il-maternita ta’ ommu imma wkoll l-isem tiegħu: Ġesu, Alla jsalva. Illum ukoll niċċelebraw it-twelid tal-prinċep tas-sliem u nitolbuh biex lill-pajjiżna jagħti s-sliem mixtieq mibni fuq il-verita, il-ġustizzja u s-solidarjeta”.

Fl-omelija, l-Arċisqof tkellem ukoll fuq il-ħtieġa li s-soċjetà terġa’ tiskopri lil Alla. Skontu, l-Insara jridu jħarsu lejhom infushom u jistaqsu lilhom infushom jekk verament għandhomx fidi f’Alla. Jekk jitilfu l-kapaċità li jistagħġbu bil-kobor t’Alla, jaqgħu fin-nasba taċ-ċiniżmu, qal l-Arċisqof. Mons. Scicluna ppropona lil dawk preżenti li kull wieħed u waħda minnhom jistaqsu hu jew hi x’jistgħu jagħmlu biex jgħin fil-missjoni t’Alla.

Huwa qal li ħafna llum iqisu r-reliġjon bħala kuntratt, li minnu n-nies jistennew li jieħdu dak li jridu diment li jgħixu tajjeb. Qal li hu żbaljat min jirraġuna hekk u min iħares lejn Alla bħallikieku qiegħed hemm biex jissodisfa x-xewqat frivoli tiegħu. L-Arċisqof qal li Alla jsejjaħ lill-Insara biex iduru lejh u jirrealizzaw li fih hemm il-veru paċi.