“Il-Mulej se jgħinna nibnu dar fl-għożża wara l-pandemija” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li din il-pandemija għallmitna żewġ affarijiet, kemm aħna dgħajfin u li l-Mulej se jfejjaqna permezz tax-xjenza u l-għerf tat-tobba.

Huwa qal dan waqt omelija f’quddiesa li saret mill-Kappella tal-Isptar Mater Dei hekk kif il-Knisja qed tiċċelebra r-raba’ Ħadd tal-Avvent.

“Jekk kien hemm xi ħaġa li għallmitna l-pandemija, kemm Alla berikna bix-xjenza u l-professjoni medika. It-tieni kemm aħna dgħajfin. Tista’ tkun l-aqwa re jew President tad-dinja. Virus li ma jidhirx ikiddek,” qal Mons. Scicluna.

“Jekk il-pandemija, li forsi ġibna aħna l-bnedmin, xi mkien mill-bogħod b’idejna, issa rridu nxammru l-kmiem u kulħadd jagħmel il-parti tiegħu. Din hi d-dar li nawgura li jgħinna nibnu. Aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna iżda dak kollu li jgħaqqadna, dak kollu li jġegħilna naħdmu flimkien mhux awtomatiku. Għandna bżonn l-għajnuna tiegħu biex tkun dar mibnija fuq l-għożża,” insista l-Arċisqof.

“Minn dan il-post, f’dawn l-aħħar xhur għaddew nies biex jagħmlu swab test, għaddew nies bil-marda li kellhom bżonn jiġu akkumpanjati, uħud minnhom minn hawnhekk wassalnihom għad-difna. Xi ħaġa ma nistgħux ninsewha,” qal Scicluna.