Filmat: ‘Nitolbu biex ma ndumux ma jerġa’ jkollna lil Ġesù f’idejna’ – l-Arċisqof

Kurja – knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu biex ma jdumux biex jerġa’ jkollhom lil Ġesù f’idejhom. Dan minħabba l-pandemija tal-coronavirus li wasslet biex in-nies ma jkunux jistgħu jisimgħu quddies fil-gżejjer Maltin.

Mons. Scicluna llum iċċelebra quddiesa bit-tberik tal-friegħi taż-żebbuġ u l-palm f’Ħadd il-Palm. Iċ-ċelebrazzjoni saret fil-Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arcisqof, il-Furjana u bdiet fid-9.30am.

Mons. Scicluna rrefera għall-kliem “Xi tridu tagħtuni, u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom”. Qal li dan il-kliem għandu sinifikat speċjali fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pandemija. Qal li bħalissa fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewkaristija wieħed ma jistax ikollu lil Ġesù f’idejh.

Mons. Scicluna rrefera għas-siltiet li nqraw waqt il-quddiesa fejn issemmew it-30 biċċa tal-fidda. Qal li dan kien il-prezz ta’ skjav. Spjega li dan kien l-istess prezz li l-qassisin il-kbar offrew għal Ġesù. Spjega li Ġesù sar forma ta’ skjav – ta’ qaddej li jagħti ħajtu għall-ħbieb tiegħu.

“Ġuda l-Iskarjota qabel imut b’mod traġiku jinduna li demm Ġesù hu demm bniedem innoċenti,” qal l-Arċisqof. Żied jgħid li dan id-demm innoċenti jeħles lill-bniedem u jagħmlu ġust.