Filmat: “Kienet tfittex in-nisa sfruttati biex tagħtihom dinjità”

L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li Adelaide Cini, li se terġa’ tinfetaħ il-kawża tal-Beatifikazzjoni tagħha, kienet tmur fil-portijiet tal-Belt u l-Kottonera tfittex in-nisa sfruttati u tipprova tagħtihom dinjità.

Fl-omelija waqt il-quddiesa fl-okkażjoni tal-100 sena minn meta l-fdalijiet ta’ Adelaide Cini tpoġġew fl-istitut imsemmi għaliha f’Santa Venera, l-Arċisqof semma kif din il-mara sabet il-vokazzjoni tagħha fid-dinja. Huwa rrakkonta kif il-Badessa kienet qaltilha li l-Mulej ma kienx qed isejħilha biex tkun soru magħhom imma kienet imsejħa biex issalva n-nisa sfruttati u vittmi tal-faqar, il-vjolenza domestika u l-prostituzzjoni.

Fisser li dan kien iġib stmerrija ta’ bosta rġiel li kienu jarawha bħala xkiel għall-pjaċir u l-qligħ tagħhom. Għalhekk sofriet ħafna tgħajjir u kellha ta’ spiss titlob il-protezzjoni tal-Pulizija.

L-Arċisqof semma kif Adelaide Cini ddefendiet il-ħajja sa mill-bidu mingħajr ma ġġudikat lil ħadd. Il-messaġġ li twasslilna l-ħajja ta’ din il-Venerabbli huwa urġenti llum daqskemm kien urġenti 150 sena ilu.

“Se titkompla l-missjoni tagħha skont il-ħtiġijiet tal-lum”

Mons. Scicluna semma kif l-Istitut Adelaide Cini se jservi ta’ għajnuna għal persuni li qed jirċievu kura paljattiva u b’hekk se tkun qed titkompla l-missjoni tagħha skont il-ħtiġijiet tal-lum. Il-kumpless se jkollu wkoll esebizzjoni permanenti dwar Adelaide Cini biex isimha u l-għotja ta’ ħajjitha ma tintesa qatt.

F’wieħed mir-rakkonti dwarha, in-neputi tagħha Paolo jirrakkonta l-istorja ta’ meta zitu sofriet xebgħa kbira mingħand raġel minħabba l-missjoni li kienet qed tagħmel, liema xebgħa probabbilment ikkawżatilha kundizzjoni li baqgħet iġġorrha sa ma mietet f’età prematura ta’ 46 sena.

“Kienet tiddefendi l-ħajja sa mill-bidu tagħha”

L-Arċisqof tenna li din hija mara li tat ħajjitha biex tiddefendi l-ġieħ, il-ħajja spiritwali, psikoloġika u fiżika tan-nisa. Kien hemm sitwazzjonijiet fejn xi nisa qalulha li ma setgħux iżommu t-tarbija tagħhom u hi kienet tgħidilhom biex ma jinkwetawx u sserrħilhom rashom li se tieħu ħsiebha hi. Dan  juri li Adelaide Cini kienet tiddefendi l-ħajja sa mill-bidu mingħajr ma qatt ma ġġudikat lil ħadd.

Wara mewtha kien hemm ukoll fejqan li huwa magħruf li sar bl-interċessjoni tagħha. Tifla marida rrakkontat li rat lil Adelaide Cini fil-ħolm u qaltilha li tista’ tfiq billi tixrob grokk inbid ħelu u eventwalment fieqet tassew wara li għamlet kif qaltilha.

Adelaide Cini kienet devota ħafna tal-labtu tal-Karmnu u tal-Qalb ta’ Ġesù. Il-ġakulatorja preferita tagħha kienet: Mulej, kun int il-ħniena tagħna.

L-Arċisqof talab lill-miġemgħa biex jitolbu bil-ħerqa ħalli l-Mulej juri l-glorja tiegħu fiha u jwettaq miraklu li jkun jista’ jwassal għall-glorifikazzjoni tagħha. B’hekk din il-lajka Maltija ssir mudell għall-Knisja universali.