Filmat: “It-tgħallim għandu jikber magħna” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra Quddies fil-festa tal-Għid il-Ħamsin fil-Konkatridal ta’ San Ġwann fejn amministra s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof lill-adoloxxenti tal-paroċċi tal-Belt u l-parroċċa ta’ Ġesù Nazzarenu ta’ Tas-Sliema.

Mons. Scicluna beda l-omelija billi spjega l-ittra pastorali maħruġa minn Mons. Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Huwa qabbel l-Ispirtu Santu man-nieda ta’ filgħodu, li tniżżel fuq kulħadd u ma tibdiliex il-pjanta.

Spjega li dak li qed jgħidu bħala isqfijiet hi li jekk wieħed irid ikun frott tal-Ispirtu s-Santu ma għandiex tmexxina l-għira, il-pika u l-preġuddizzji għal min hu barrani imma jrid ikollna l-frott tal-Ispirtu, l-imħabba, r-rażan fost oħrajn. Sostna li b’hekk wieħed ikun jista’ jilqa’ lill-kulħadd filwaqt li qal meta wieħed jilqa’ barrani f’daru ma jkunx qed jilqa’ għadu. Spjega li l-barranin f’pajjiżna mhumiex għedewwa tagħna.

L-Arċisqof sostna li l-badge tan-Nisrani hi l-imħabba filwaqt li fakkar fil-kliem ta’ Ġesù ‘ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien’. Huwa spjega li fl-azzjonijiet tiegħu wieħed juri l-fidi tiegħu.

Mons. Scicluna spjega dak li jiġri meta wieħed jirċievi l-Griżma tal-Isqof. Fakkarhom li huma msejjħin biex jagħtu xhieda tat-twemin tagħhom.

Madwar 80 quddiesa

Jindirizza liż-żgħażagħ direttament li ħadu l-Griżma tal-Isqof, Mons. Scicluna qal li min jgħix il-Belt ma għandux skuża li ma jistax jattendi għall-quddies fit-tmiem il-ġimgħa. Huwa spjega li hemm madwar 80 quddies li jiġu ċċelebrata fil-Belt biss bejn is-Sibt u l-Ħadd. L-Arċisqof fakkar li kollox għandu jsir f’ħinu f’waqtu, iżda ħeġġiġhom biex jibqgħu jattendu l-quddies.

L-Arċisqof saqsa ladarba wieħed jagħmel il-Griżma tal-Isqof x’se jiġri? Se jieqaf imur il-Quddies u semma’ kif ħafna ma jibqgħux imorru sakemm ma jagħżlux li jiżżewwġu bis-Sagrament taż-Żwieġ fil-Knisja.

Huwa ħeġġeġ lil dawk miġbura biex ifittxu li jkunu ma’ sħabhom l-insara ħalli b’hekk jikbru xhieda qawwija skont l-età tagħhom. Spjega li wieħed jikber u jrid ikompli jitgħallem. Huwa spjega li kif wieħed jikber u jbiddel l-ilbes tiegħu, l-istess it-tgħallim. Huwa kkonkluda li t-tgħallim irid jikber magħhom.