“Irridu nagħżlu bejn flus u qalb soċjali” – L-Arċisqof Scicluna

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li “l-assedji tal-lum li qed inixxfu r-ruħ tal-bniedem” jinkludu l-assedju tar-regħba u dak għat-tfittxija kontinwa ta’ profitt bla rażan.

Waqt li kien qed jiċċelebra Pontifikal fil-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, l-Arċisqof staqsa dwar l-għażliet li qed jagħmlu l-Maltin illum – bejn il-flus li jsaltnu kollox u kullimkien, jew il-bżonn li jerġgħu jiskopru l-qalb soċjali ta’ poplu. Qal li huwa importanti li meta xi ħadd ikun qed ibati, ibati kulħadd u meta xi ħadd igawdi, igawdi kulħadd.

“Qed nittieklu mill-assedji interni tal-lum”

Mons. Scicluna tkellem dwar l-assedji interni tal-lum, li qal qed jieklu lill-bnedmin minn ġewwa. Wissa li nistgħu naslu fi stat fejn ma nsibu l-ebda qalb li lesta tħenn għal ħaddieħor. Hawnhekk appella biex il-Maltin ikomplu jikbru fil-ġid mingħajr ma jinsew il-qalb tagħhom fejn għandha tkun.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof ingħaqad mal-Isqfijiet biex bl-interċessjoni ta’ Marija, tkompli titnissel kuxjenza soċjali akbar fis-soċjetà Maltija.

L-Arċisqof Scicluna semma kif f’Jum il-Vitorja ma niftakrux biss fl-Assedju l-Kbir, iżda fl-assedji kiefra ta’ matul is-sekli fosthom il-pesta, in-nixfa u l-gwerer dinjija. Żied jgħid li għandha titfakkar ukoll il-fidi tal-poplu Malti fil-qawwa ta’ Omm l-Imgħallem.

Irrefera għall-ordnijiet tal-Kavallieri li qal għamlu unur għall-Knisja u ddeskrivihom bħala “martri tal-imħabba”.