L-Arċisqof bi kliem ta’ kuraġġ għall-4 kandidati ġodda għas-saċerdozju

L-Arċisqof Charles Scicluna llum laqgħa erba’ seminaristi bħala kandidati għall-Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali. Fost il-kliem ta’ kuraġġ, l-Arċisqof għamel referenza għal-festa tal-lum, l-Epifanija li tiċċelebra l-mument meta l-Islaten Maġi taw ir-rigali tagħhom lil Ġesù tarbija fl-għar ta’ Bethlehem fejn twieled.

Roderick Baldacchino u Jean-Claude Schembri mill-Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun, Joshua Cortis mill-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, u Tony Pace mill-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi, illum jistqarru pubblikament ir-rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill-Knisja biex iservu bħala saċerdoti.

Waqt il-quddiesa tal-Epifanija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof sostna li l-mistoqsija tat-tliet Slaten Maġi, jiġifieri “fejn hu dak li twieled Sultan tal-Lhud?” hija mistoqsija li għandha tkun fil-qalb ta’ kull bniedem. Spjega kif skont l-Evanġelju ta’ San Mattew, il-Maġi raw il-kewkba tiela’ u rrealizzaw li din hija fenomenu speċjali u minn hemm bdew il-vjaġġ. Irrimarka kif min-naħa l-oħra malli Erodi sema’ bit-twelid ta’ Ġesù, “is-Sultan tal-Lhud” ħass li dan it-twelid kien ta’ theddida għall-poter tiegħu, xi ħaġa li wasslet għall-qtil ta’ Ġesù. “Mhux talli ma jixtieqx jiltaqa’ ma’ din it-tarbija imma l-idea tiegħu hi li joqtolha,” sostna l-Arċisqof.

“Intkom rigali għall-Knisja mingħand il-Mulej”

L-Arċisqof kompla jispjega kif is-seminaristi huma innifishom huma rigali mingħand il-Mulej għall-Knisja. Kien hawn li għamel riflessjoni fuq ir-rigali tas-Slaten Maġi. Sostna li d-deheb huwa l-għaqal, prudenza u għerf, rigal li jridu jitolbu mill-Mulej filwaqt li jippruvaw ukoll joffruhulu. Spjega kif id-deheb huwa dixxerniment kontinwu li wieħed jistaqsi “Mulej xi trid minni? Xi tridni nagħmel?”

Mons. Scicluna rrefera għall-inċens, li sostna huwa l-offerta tat-talb ta’ dawn is-seminaristi. Sostna li t-talba hija li ħajjitna tkun talba kostanti lill-Mulej li bħala bnedmin għandna bżonn radikali tiegħu. “J’Alla t-talb tagħkom ikun espressjoni ta’ imħabba vera u li taħraq lejn Alla,” insista l-Arċisqof.

Saret referenza wkoll għat-tielet rigal tal-Maġi, il-mirra, li sostna li għal dawn il-kandidati huwa rigal iebes li jirrappreżenta l-morr tar-rażan, taċ-ċaħda u tal-mortifikazzjoni. “Ir-rigal tal-mirra li tagħtih huwa l-impenn, imma hu x’se jagħtik? Ftakar li int meħlus mid-demm imċarċar tiegħu,” wissa l-Arċisqof.

“Noffrilek lili nniffsi”

Viżibilment emozzjonat, l-Arċisqof għamel l-aħħar ħsieb tiegħu b’referenza għall-għanja Anglo-Sassona li spjega tfakkar fl-offerta tal-Maġi u li tgħid “jiena ma għandi xejn, noffrilek lili nniffsi”.