Filmat: It-twelid ta’ kull tarbija hu sinjal ta’ tama – L-Arċisqof Scicluna

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li ċ-ċelebrazzjoni tal-Milied hi avveniment li jiġi ċċelebrat ma’ kull twelid ta’ kull tarbija. Waqt l-omelija tal-Quddiesa ta’ Nofsillejl, l-Arċisqof saħaq li l-eżistenza tagħna tibda mat-tnissil fil-ġuf tal-omm u li t-twelid ta’ kull tarbija hu sinjal ta’ tama u stedina għar-responsabbiltà.

Huwa appella biex kulħadd jiffoka fuq l-aspetti l-aktar importanti ta’ dawn il-festi,  u mhux naħsbu fit-tiżjin biss. Irrimarka li jinħass il-bżonn li jitneħħa xi ftit mit-tiżjin żejjed tal-Milied.

Mons. Scicluna qal li hu tajjeb li wieħed jaħdem għal dinja aħjar u filwaqt li qed ingawdu fil-prosperità ekonomika, nagħmlu ħilitna biex nagħtu daqqa t’id lil min għandu bżonn, iżda li għandna nevitaw li naħsbu li l-paċi f’qalbna nistgħu nġibuha b’idejna jew bit-teknoloġija moderna.

L-Arċisqof Scicluna żied jgħid li l-miġja ta’ Ġesù fid-dinja huwa rigal, bħalma hi rigal kull tarbija li tiġi fid-dinja.  Qal li wieħed jifhem li l-akbar rigal li jitħabbar fit-twelid tiegħu u fl-irxoxt tiegħu hija l-istess paċi li hu jaqla’ mingħand il-missier għalina. Permezz tat-twelid tat-tarbija, hija l-inizjattiva ta’ Alla li qed jgħidilna biex nitolbu għall-paċi li hu ħerqan biex jagħtihielna f’qalbna u fis-soċjetà tagħna.