Filmat: Faċli tipponta sebgħek; diffiċli tara x’għandek tagħmel int- l-Arċisqof

Aġġornat 09:22 AM

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li filwaqt li hu faċli li wieħed jipponta subajgħ, huwa aktar diffiċli li jara x’għandu jagħmel hu.

Mons. Scicluna qal dan fl-omelija tiegħu waqt li kien qed jiċċelebra l-Quddiesa Pontfikali fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.

L-Arċisqof ikkwota lill-Papa Emeritu Benedittu 16 li qal li l-Milied mhux xi ħrafa imma li huwa messaġġ attwali li jkellem ukoll il-feriti tan-nies. L-Arċisqof qal li din il-profezija attwali tfakkar lin-nies li dehret l-imħabba u l-grazzja ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-ġnus.

“Din l-imħabba ta’ Alla trawwimna nwarbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja,” qal Mons. Scicluna li spjega li dawn il-ġibdiet jinkludu l-vjolenza, l-arroganza, il-korruzzjoni, u l-kattiverija fuq il-midja soċjali,” qal l-Arċisqof. Issuġġerixxa li wieħed għandu jiċċelebra l-Milied billi jgħix bir-rażan u l-ġustizzja.

“Jekk aħna nixtiequ ngħatu tama lil xulxin ta’ bidu ġdid ta’ mod ġdid kif ngħixu flimkien irridu nitolbu li aħna wkoll insiru poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb. Faċli tipponta sebgħek lejn ħaddieħor. Faċli. Imma l-iżjed ħaġa diffiċli hu li ssaqsi lilek innifsek, ‘jien x’irrid nagħmel?’. U nibda minni nnifsi.”

L-Arċisqof qal li fl-1 ta’ Diċembru l-Papa Franġisku kellu meditazzjoni sabiħa dwar il-presepju. Qal li l-Papa kkummeta li f’diversi presepji, Betlhehem tiġi sostitwita minn qisu tempju mwaqqa’.

“Jixirqilhom kelma wkoll il-pajsaġġi li jagħmlu parti mill-presepju u li spiss jirrapreżentaw ir-rovini tad-djar u palazzi antiki li f’xi każi jieħdu post il-grotta ta’ Bethlehem u jsiru l-għamara tal-familja mqaddsa,” qal il-Papa. L-Arċisqof kompla jikkwota lill-Papa li qal li dawn ir-rovini huma s-sinjal li jidher tal-umanità wara l-waqa’ ta’ dak kollu li huwa korrott u ta’ swied il-qalb. Dan juri li Ġesù hu l-ġdid qalb dinja antika u li ġie biex ifejjaq.

Mons. Scicluna qal li l-Papa jgħid li dan ix-xenarju għandu sinifikat profond għaliex Ġesù ġie biex iħarbat u jkisser is-saltna tal-ħażen u ta’ dak li hu korrott. L-Arċisqof qal li jekk wieħed jirrefletti fuq il-profezija ta’ Isaija li kienet inqrat, wieħed jinduna li l-Milied mhuwiex biss it-tħabbira tat-twelid ta’ tarbija imma wkoll it-tħabbira tal-qerda ta’ dak li hu ta’ ħażen.

L-Arċisqof talab biex il-Bambin jgħati l-kuraġġ lin-nies iħarsu jejh u jixxenqu għall-ħniena tiegħu.

Filmat: Knisja.mt