Filmat: L-Isqfijiet b’appelli dwar is-sitwazzjoni fil-qasam tal-housing

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex f’Ittra Pastorali qalu li fil-qasam tal-housing għandna sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li qegħdin joħolqu diffikultajiet lil familji, liż-żgħażagħ u lil ħafna barranin. Huma għamlu diversi appelli lis-soċjetà, lill-politiċi, lill-propjetarji, lil min jikri u lill- komunitajiet tal-Knisja dwar kif is-sitwazzjoni tista’ titjieb.

Kien l-Arċisqof Charles Scicluna stess li llum qara l-Ittra Pastorali waqt il-Quddiesa Pontifikali fil-Knisja Arċimatriċi u Arċipretali Marija Bambina fin-Naxxar, biex tikkomemora din il-festa nazzjonali. L-Ittra Pastorali maħruġa fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali tal-Vitorja u l-festa liturġika tat-Twelid ta’ Marija Bambina hija ffirmata wkoll mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech u mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi. It-tema tal-pastorali hija “Nibnu djarna fuq il-blat”.

Appell lis-soċjetà

L-Isqfijiet appellaw lis-soċjetà Maltija kollha biex ma ssirx indifferenti għal dawn is-sitwazzjonijiet drammatiċi li qed joħolqu faqar ġdid u qegħdin ixejnu t-tama f’ħafna nies, speċjalment fiż-żgħażagħ tagħna.
L-Isqfijiet qalu li minħabba din is-sitwazzjoni, familji u anzjani ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-għoli fil-kera u qed jiġu mkeċċija barra fit-triq; żgħażagħ, ulied il-ħaddiema, ma jikkwalifikawx għas-self mill-banek; persuni li għaddejjin minn xi kriżi fil-ħajja tagħhom bħal separazzjoni, problema ta’ saħħa mentali jew vizzju, jiddependu mis-suq tal-kera għax
m’għandhomx propjetà tagħhom jew mhumiex f’housing soċjali.

Appell lill-politiċi

Huma appellaw lill-politiċi, kemm dawk fil-Gvern kif ukoll dawk fil-Parlament u dawk fil-kunsilli lokali biex jingħaqdu ħalli jsibu soluzzjonijiet prattiċi u effettivi mingħajr mal-problema ssir ballun politiku partiġġjan li ngaraw lil xulxin. L-Isqfijiet ipproponew li r-regolarizzazzjoni tas-suq tal-kera u l-housing sostenibbli jagħtu opportunità lil dawk il-persuni l-aktar milquta sabiex ikollhom id-dinjità ta’ saqaf fuq rashom kemm jekk
permezz ta’ housing soċjali kif ukoll permess ta’ provvista ta’ housing affordabbli.

Appell lis-sidien tal-propjetà u lill-iżviluppaturi

Waqt li għarfu d-dritt tas-sidien tal-propjetà u tal-iżviluppaturi biex iħaddmu l-kapital tagħhom appellawlhom biex jużaw il-valuri Nsara u l-“kuxjenza soċjali” tagħhom fl-għażliet li jagħmlu. B’hekk irażżnu l-għoli fil-prezzijiet biex tixtri u tikri l-propjetà skont kriterju ġust u ekwu, u skont kriterju ta’ responsabbiltà u ta’ solidarjetà.

L-Isqfijiet enfasizzaw li l-flus huma oġġett materjali, u li ma jfissru xejn ladarba naslu biex nidhru quddiem Alla. Barra minn hekk, huma fakkru fi kliem Ġesù meta jxebbah lilu nnifsu ma’ dawk bla flus u bla dar.
“X’jiswa li tkeċċi l-familji Maltin mill-kirjiet tiegħek biex iddaħħal l-eluf fix-xahar u mbagħad tkun benefattur kbir tal-parroċċa tiegħek? Taħseb li Kristu jieħu pjaċir b’offerti bħal dawn? Jew iżjed jogħġbuh il-ħniena u s-solidarjetà ma’ min jaħdem u jistinka għall-familja u ma jistax jaffordja li tgħollilu l-kera minn €400 fix-xahar għal €900?”

Appell lil min jikri

Min-naħa l-oħra, lil dawk li jikru, l-Isqfijiet fakkruhom fir-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw il-post li jkunu qed joqogħdu fih, bir-regoli kollha tiegħu, u li ma jippruvawx jabbużaw mis-sidien.
“Il-ġustizzja soċjali titlob ukoll li wieħed jirrikorri għall-housing soċjali meta verament għandu bżonn għajnuna soċjali urġenti mingħajr ma jtellef iċ-ċans lill-każijiet li verament għandhom bżonn. Min jabbuża mis-sistema ta’ għajnuna soċjali billi jaħbi jew iqarraq, ikun qed jisraq u jitfa’ piż inġust fuq is-sistema nazzjonali”.

Appell lill-komunitajiet ekkleżjali

L-Isqfijiet kellhom messaġġ għall-komunitajiet ekkleżjastiċi wkoll, fejn ferħulhom għall-ġid li diġà qegħdin jagħmlu b’postijiet bħal Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores, kif ukoll Fondazzjoni Suret il-Bniedem u Dar Osanna Pia. Il-Knisja għandha wkoll Kummissjoni Emigranti, li tospita madwar 400 immigrant. Uħud minn dawn il-proġetti qed isiru b’koperazzjoni mal-Gvern, mas-settur privat u mas-soċjetà ċivili, qalu l- Isqfijiet.

Huma komplew iħeġġu lil dawn il-komunitajiet biex jissoktaw iwettqu x-xogħol siewi li qegħdin jagħmlu, għaliex aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li l-Knisja tagħti eżempju tajjeb fis-soċjetà.

L-Isqfijiet temmew l-Ittra Pastorali b’messaġġ ta’ tama, u qalu li bħalma Marija Bambina dejjem interċediet għall-Maltin, għad trid tinterċedi biex tqawwi l-kuxjenza soċjali ta’ Malta.

Tista’ taqra l-Ittra Pastorali hawn.