Filmat: Inkunu ġenerużi ma’ dawk li għandhom dritt għall-ħajja tal-familja – l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna appella biex wieħed ikun ġeneruż u jilqa’ lil Ġesù li qed iħabbatlu fil-forma tal-proxxmu, speċjalment ma’ dawk li għandhom dritt li jgħixu ħajja mal-familja. Qal li dan ikun l-aqwa Milied li wieħed ikun jista’ jiċċelebra.

Mons. Scicluna qal dan waqt li kien qed jiċċelebra l-Quddiesa Pontifikali fis‑Solennità tat‑Twelid ta’ Ġesù Kristu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

L-Arċisqof Charles Scicluna staqsa lil dawk preżenti xi jfisser li wieħed jiċċelebra l-Milied din is-sena. Ikkwota vers mill-Vanġelu ta’ San Ġwann li jgħid li l-aktar dikjarazzjoni importanti hi li iben Alla sar bniedem u li għex fost in-nies. B’hekk in-nies setgħu jaraw il-glorja tiegħu mimlija grazzja u verità.

Mons. Scicluna qal li l-grazzja hija kelma oħra flok imħabba li ma tistenna xejn lura. Kompla jgħid li l-verità hija bażi ta’ lealtà fidili.

Skont l-Arċisqof, l-iskrittura tgħid ukoll li Ġesù mar għand in-nies tiegħu imma dawn ma laqgħuhx.

“Din hija wkoll l-istorja tal-Milied,” qal Mons. Scicluna.

L-Arċisqof qal li Ġesù għadda minn din iċ-ċaħda u li jekk wieħed irid jiċċelebra l-Milied irid jaċċetta lil Ġesù.

Mons. Scicluna fakkar li meta kiber Ġesù qal li dak li wieħed jagħmel mal-iżgħar fostu jkun qed jagħmlu miegħu.

Fl-aħħar tal-Quddiesa l-Arcisqof ta Bambin lit-tfal preżenti. Fosthom kien hemm ukoll tfal mill-komunità Serbjana li l-ġenituri tagħhom jgħixu u jaħdmu f’Malta.