Filmat: “Kienu dgħajfin iżda Alla bagħathom ixandru l-imħabba” – l-Arċisqof

Kurja.mt/ritratti

Waqt li talab għall-Papa Franġisku, li huwa r-ragħaj suċċessur ta’ San Pietru, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li tkun ħaġa sabiħa li naħsbu f’dawn ix-xhieda ta’ Alla li sejjħilhom għax kienu dgħajjfin u bagħthom ixandru l-imħabba tiegħu.

Fl-Omelija fil-festa tal-Imnarja, it-tifkira tal-martirju ta’ San Pietru u San Pawl, l-Arċisqof Scicluna qal li din il-festa ġġib magħha messaġġ ta’ kuraġġ u okkażjoni ta’ ferħ meta nħarsu lejn dawn l-appostli l-kbar. Qal li dawn huma “l-pedament tal-għaqda kattolika”. L-Arċisqof fisser ukoll kif permezz ta’ dawn iż-żewġ appostli li kellhom l-esperjenza tad-dgħjufija, Alla ħaddem l-Ispritu s-Santu f’dawn l-appostli.

F’quddiesa li ġiet iċċelebrata flimkien mal-Kapitlu Metropolitan, l-Arċisqof spjega kif it-tnejn kienu Lhud, b’Pietru kien sajjied u Pawlu kien ġuvni. Qal li t-tnejn kellhom l-istess fidi tal-poplu ta’ Abraham u li għall-Knisja huma t-tnejn kolonna.

Waqt l-Omelija tiegħu, l-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-espressjoni artistika rappreżentata f’żewġ inkwadri ovali ta’ San Pietru u San Pawl li jinsabu fuq il-presbiterju tal-Katidral tal-Imdina. L-Arċisqof spjega t-tifsira tal-ktieb li jinsab fiż-żewġ inkwadri li jirrappreżenta t-Testment il-Ġdid ewlenin fosthom il-kitbiet ta’ San Pawl. Sostna li San Pawl huwa xhud tal-ġnus u dak li jgħallem lill-poplu. L-Arċisqof qal ukoll li f’ħafna mill-ikonografija Maltija, San Pawl jidher jerfa’ idu biex juri xhieda li ħeles il-gidma tal-lifgħa.

Fi tmiem il-Quddiesa saret ir-repożizzjoni tar-relikwi.