Filmat: “Ftakru fl-eqreb ċirku tagħkom: il-familja” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-pubbliku sabiex f’dan il-jum magħruf għas-solidarjetà jiftakar fl-eqreb ċirku tiegħu, il-familja.

Dan qalu fl-omelija tal-Quddiesa fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla u l-Jum Dinji tal-Paċi. Din qed issir fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi bħala l-ftuħ tal-maratona ġbir ta’ fondi annwali għall-istess dar, bl-isem ta’ Festa ta’ Ġenerożità.

L-Arċisqof appella lill-pubblika sabiex illum jgħaddi sas-Siġġiewi u jżur lid-Dar tal-Providenza. Qal li hija xi ħaġa li tferrħu li l-poplu Malti u Għawdxi jibda s-sena tiegħu b’att ta’ solidarjetà u għajnuna. Talab sabiex kulħadd jibda jagħmel is-solidarjetà u jibda mill-iċken u l-eqreb ċirku tiegħu, il-familja. Qal li llum il-ġurnata, hawn bosta qed jgħixu f’solitudni. Qal li jum l-Ewwel tas-Sena jiġi biex ifakkar fl-importanza tal-Imħabba.

Intant, l-Arċisqof irringrazzja b’mod speċjali lis-sorijiet tal-karità li ħadu ħsieb lil din id-Dar għall-aħħar 52 sena. Irringrazzja wkoll lil dawk kollha li matul is-snin offres l-għajnuna tagħhom lid-Dar, fosthom anke lill-istat. Hu rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu li jsegwi lid-Dar kuljum u jagħtiha dak kollu li għandha bżonn biex tgħin lil diversi persuni fil-komunitajiet. Qal li x-xogħol tad-Dar tal-Providenza qed iwassal sabiex bosta persuni bi bżonnijiet speċjali għandu ċans jibqa’ jgħix fil-komunità.

L-Arċisqof qal li “l-ħarsa ta’ Alla fuqna hija l-ħarsa tagħna fuq xulxin.” Qal li l-ħarsa tagħna fuq xulxin għandha tkun il-ħarsa ta’ Alla, filwaqt li nħallu lil Alla jħares lejna permezz tal-proxxmu. Qal li l-ħarsa ta’ Alla qatt m’hi se tkun ħarsa ta’ disprezz, imma ta’ mħabba, tenerezza u ta’ ħniena.