“Kunu nies ta’ sinsla bla nuċċali politiku” – l-Arċisqof lill-Pulizija

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-membri tal-korp tal-Pulizija biex ikunu nies ta’ sinsla, mingħajr ma jħarsu lejn iċ-ċittadin b’nuċċali politiku.

F’quddiesa għall-membri tal-Korp fl-okkażjoni tal-204 snin mit-twaqqif tiegħu, l-Arċisqof Scicluna fakkar kif min jaħdem għall-ġid komuni huwa għadu tal-interessi ċkejkin. Hawnhekk appella lill-membri tal-Korp sabiex dejjem jiftakru li huma mhumiex qed jirrapreżentaw xi partit politiku, iżda lir-repubblika ta’ Malta u l-prinċipju tad-demokrazija, anka jekk ma jaqblux mal-gvern tal-ġurnata.

L-Arċisqof Scicluna qal li quddiem l-arroganza tal-kriminali, ix-xogħol tal-Pulizija jibqa’ dejjem dak li jiddefendi d-drittijiet taċ-ċittadini u li jagħtihom sens ta’ ċiviltà u sigurezza.

Irrefera għall-motto tal-Pulizija “Mulej mexxina inti” li qal huwa talba fih innifsu. Kompla jgħid li irrispettivament minn kemm il-bniedem għandu saħħa u awtorità, il-bniedem irid jagħraf li l-poter t’Alla huwa wieħed ġust.

L-Arċisqof Scicluna tkellem dwar il-prinċipju fundamentali tal-Pulizija li tobdi l-ordni leġittima tas-superjuri. Madankollu saħaq li jekk din l-ordni tmur kontra d-drittijiet u d-dinjità tal-persuna, allura hemmhekk id-dover tal-uffiċjal huwa li ma jobdix l-awtorità tas-superjuri tiegħu.

Fil-bidu tal-quddiesa sellem lill-uffiċjal Simon Schembri li ndarab waqt li kien fuq xogħlu, u wiegħed li dalwaqt se jżuru fid-dar tiegħu wara li diġà kien mar ħdejh l-isptar.

L-Arċisqof Charles Scicluna temm jgħid li huwa jifhem id-diffikultajiet li jgħaddu minnhom l-uffiċjal tal-Pulizija, u appella biex tibqa’ tikber il-kultura tal-legalità ħalli jkun hawn il-ġid komuni.

L-omelija sħiħa tinsab hawn: Omelija ta’ Jum il-Pulizija

Ritratt: Kurja – Knisja.mt/ritratti