Filmat: “Tħarsu lejn wiċċ ħadd” – l-Arċisqof lill-pulizija

Ritratt: Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-pulizija biex ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

L-Arċisqof qal dan fl-omelija tiegħu waqt li kien qed jiċċelebra Jum il-Pulizija mal-Korp fil-205 anniversarju mit-twaqqif tiegħu. Il-Quddiesa Solenni saret fil-Kon-Katridral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

L-Arċisqof qal li l-Korp tal-Pulizija dejjem ikollu quddiemu l-għażla li jissielet għall-ġustizzja u t-tajjeb. Spejga li l-pulizija jridu jkunu lesti li jħallsu l-prezz tal-għażla tagħhom. Qal li ħadd mhu se jċapċap għax pulizija jagħmel id-dover tiegħu, “anzi iċapċpuhulek”, żied jgħid l-Arċisqof.

L-Arċisqof qal li kull membru tal-korp mill-aħħar rekluti sal-kummissarji jridu jaħdem għas-sewwa. Appella biex il-Pulizija ma tħares lejn wiċċ ħadd u biex tkun garanzija tal-ugwaljanza. Qal li l-pulizija m’għandhom jieħdu ordnijiet mingħand ħadd ħlief mill-kuxjenza.

“Kull ċittadin għandu d-dritt jippretendi li l-Korp qiegħed hemm biex jiddefendih meta jkun qiegħed fis-sewwa,” qal l-Arċisqof. Żied jgħid li kull kriminal għandu jippretendi li l-Korp se jgħin lill-ġustizzja sseħħ.

L-Arċisqof qal li l-kliem li juża Ġesù mal-appostli jista’ jgħidu l-kummissarju meta jibgħat lil xi ħadd fuq xi missjoni, “Ara, jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem.” Mons. Scicluna qal li ħafna missirijiet tal-Knisja jirriflettu fuq l-ewwel parti ta’ din is-sentenza bħala deskrizzjoni tal-kundizzjoni tal-Insara fost dinja li kultant hi ostili.

L-Arċisqof tkellem ukoll dwar kif il-kriminalità qed tasal qabel l-istat fir-riżorsi. Qal li kulltant hemm bżonn li s-soċjetà tgħin lill-Pulizija biex issir ġustizzija.

L-Arċisqof semma’ kif meta tinqala’ xi trawma jaħseb dwar il-vittmi imma wkoll dwar dawk il-ħaddiema li jkunu minn tal-ewwel fuq il-post. Qal li dawn jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet diffiċli. Talab ukoll għall-qraba tal-pulizija li xi kultant ikollhom ibatu minħabba s-sigħat li jaħdmu l-pulizija.

Appella wkoll lir-rekluti ż-żagħżagħ biex ma jwaqqfux it-taħriġ tagħhom issa u li ma jinsewx il-ġurament li se jkunu qed jieħdu. “Kunu ta’ ħadd u kunu għal kulħadd,” qal Mons. Scicluna

Preżenti għall-Quddiesa mistennija kien hemm il-President ta’ Malta George Vella u l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia. Il-quddiesa kienet segwita minn wirja mużikali u parata.