Filmat: ‘Il-ħasil tar-riġlejn hu eżempju ta’ qadi u mħabba’ – L-Arċisqof

Curia – church.mt/photos

L-Arċisqof Charles Scicluna ħasel ir-riġlejn 16-il persuna fosthom ta’ romol u separati, waqt it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. L-Arċisqof spjega s-sinifikat tal-ħasil tar-riġlejn bħala eżempju ta’ qadi u mħabba, għall-aħħar.

AQRA: Filmat: “Għandna nwarrbu l-allat foloz inkluż il-likes fuq Facebook” – l-Arċisqof

It-Tifkira Solenni bdiet wara nżul ix-xemx u matul din iċ-ċelebrazzjoni l-Knisja fakret it-twaqqif tal-Ewkaristija u l-istituzzjoni tal-qadi bħala l-ministeru ewlieni tal-Knisja wara x-Xandir tal-Kelma.

Fl-omelija tiegħu l-Mons Arċisqof spjega s-sinifikat tal-ħasil tar-riġlejn. Huwa qal lil dawk miġbura li wieħed ikun jista’ jifhem dal-ġest aħjar wara li tgħaddi l-Ġimgħa l-Kbira u jasal il-Qawmien, kien hawn li kkwota mill-Bibja biex jispjega aħjar u ffisser kif Pietru ma fehemx is-sinifikat profond tal-ħasil tar-riġlejn li l-Mulej għamel mad-dixxipli tiegħu. L-Arċisqof staqsa għaliex Ġesù qal dan il-kliem lil Pietru, u sostna li s-sinifikat profond jagħmel sens u wieħed jista’ verament jifhmu wara l-Ġimgħa l-Kbira u jasal l-Għid. Kompla jispjega li b’dan l-att Ġesù ried iħalli eżempju u jfakkarna li Ġesù minn fuq is-salib ta’ ħajtu għalina.

L-Arċisqof Scicluna, fakkar kif Ġesù ta’ ħajtu bil-mewt u l-qawmien tiegħu, kif ukoll tkellem fuq l-imħabba ta’ Ġesù u spjega kif din kienet imħabba sal-aħħar nifs. Sostna li din hija t-tip ta’ imħabba li l-Knisja titlob meta tgħallem il-fedeltà fiż-żwieġ nisrani, kif ukoll meta tħeġġeġ lis-saċerdoti jkunu fidili lejn il-missjoni tagħhom. Stqarr li dan huwa l-eżempju li jrid imexxi kull persuna li tiġi msejjħa għal kull tip ta’ vokazzjoni, kemm minn dik l-iktar umli għal dik l-iktar għolja.

Bżonn li niftakru dal-kliem kull meta…

L-Arċisqof saħaq li wieħed għandu jiftakar il-kliem ta’ Ġesù dwar il-ħasil tar-riġlejn kull meta wieħed ikun se jitlef il-paċenzja ma’ xulxin, kemm il-darba wieħed ikun se jqatta’ l-karti, u kemm il-darba meta wieħed ikun qaddej jaħseb li għandu dritt għal xi ħaġa, fost eżempji oħra li ta. Kien hawn li stieden lil dawk miġbura biex flimkien jitolbu ħalli b’hekk il-Mulej ifakkarhom kull meta t-tentazzjoni tkun li wieħed jaħseb fih innifsu u jinsa’ li hu qaddej.

Il-Mons Scicluna spjega kif il-Mulej ‘ħalla lil min iżebilħu, jikkundannah, u jibgħatu għall-iktar mewt kiefra’, biex ifakkar xi tfisser li tkun qaddej, kif ukoll li qam fit-tielet jum. Kompla jispjega li Pietru ma rridx fil-bidu jaħsilu saqajh iżda ladarba fehem li din il-lezzjoni kienet waħda importanti, kompla l-Arċisqof, Pietru xtaq li Ġesù jaħsilu idejh u anki rasu. Spjega li filwaqt Pietru kellu x-xewqa kbira li jkun ma’ Ġesù naraw li huwa wkoll kien dgħajjef. L-Arċisqof kompla jispjega kif wieħed jara lilu nnifsu f’Pietru, hekk kif fakkar li l-Mulej jagħraf ix-xewqa tal-bniedem li jkun miegħu u fl-istess waqt jagħraf id-dgħujfija tal-bniedem.

AQRA: “Ikkundannat iżda innoċenti” –L-Arċisqof

‘Niftakru f’dawk li jinsabu ‘l bogħod’

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna sostna li lum huwa l-jum ta’ dawk l-Insara li jħossuhom il bogħod minn Ġesù, mis-sagramenti u mill-Ewkaristija, minħabba ċirkustanzi iebsa f’ħajjithom.

Ħasil tar-riġlejn

L-Arċisqof ħasel riġlejn 16-il persuna li ħafna minnhom missew mas-servizzi li Caritas toffri lis-soċjetà. Dawn jinkludu ġenituri ta’ wlied li għamlu programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga fi ħdan Caritas, romol u separati, klijenti u voluntiera ta’ Caritas u koppji miżżewġa mill-parroċċi tal-Iklin u ta’ Santa Luċija li fihom saret Viżta Pastorali matul l-aħħar xhur.

Iċ-ċelebrazzjoni kienet maqsumha f’erba’ taqsimiet; il-Liturġija tal-Kelma, il-Ħasil tar-Riġlejn, il-Liturġija tal-Ewkaristija, u l-Purċissjoni għall-post tal-Adorazzjoni.

Is-servizz ta’ live streaming kien ipprovdut mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof – www.knisja.mt.