Filmat: L-Arċisqof iniedi proċess ta’ tiġdid fil-Knisja

Aġġornat 07:16 AM

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna nieda proċess ta’ tiġdid fil-Knisja fiċ-ċelebrazzjoni tat-Trinità Mqaddsa.

L-Arċisqof uffiċjalment nieda d-dokument ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’. Id-dokument jagħti l‑viżjoni tal‑Knisja f’Malta u l‑proċess ta’ tiġdid tal‑Knisja ispirat minn din il‑viżjoni. Dan id‑dokument jindika wkoll impenji partikulari fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta għall‑erba’ snin li ġejjin fid‑dawl ta’ dan il‑proċess ta’ tiġdid.

F’kumment li ta lill-ġurnalisti wara t-tnedija, l-Arċisqof qal l-Papa Franġisku jrid Knisja missjunarja li toħroġ fit-triq u tiltaqa’ man-nies. Qal li din hija kultura ta’ tradizzjoni f’Malta, iżda hemm bżonn li tibqa’ ssir. Qal li hemm bżonn li l-Knisja taħdem fuq il-fejqan, il-fejqan tal-faqar ġdid. Qal li d-dokument huwa proċess li nisimgħu lil xulxin u fejn Alla jrid imexxina.

It‑tnedija ta’ dan id‑dokument saret waqt Quddiesa li l‑Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra fil‑Grotta ta’ San Pawl, ir‑Rabat, u li kienet imxandra fuq il‑mezzi ta’ komunikazzjoni. Id‑dokument huwa aċċessibbli fuq il‑website tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

L‑Arċisqof, filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha fil‑Knisja u fis‑soċjetà li taw is‑sehem tagħhom fit‑tfassil ta’ dan id‑dokument, qal li dan kien ukoll rivedut f’dawn l‑aħħar xhur fid‑dawl tal‑esperjenza tal‑imxija tal‑pandemija COVID‑19.

‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ jagħti viżjoni li għandha rabta partikolari mal‑viżjoni tal‑Papa Franġisku, b’mod partikolari mal‑Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Evangelii gaudium (Il‑Ferħ tal‑Evanġelju), u mal‑mod kif il‑Papa fit‑tagħlim tiegħu jfisser dan il‑proċess ta’ tiġdid fil‑kuntest ta’ Knisja lokali.

Min-naħa tagħha, Dr Nadia Delicata, id-Delegat Ekpiskopali għall-Evanġelizzazzjoni f’Malta qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-Knisja qed tistieden lil kull entità fil-Knisja u lil kull komunità anke jekk żgħira, tista’ tapplika dan il-pjan pastorali huma wkoll. Qalet u b’hekk, il-għan hu li jkun hemm Knisja waħda bi Spirtu wieħed.

Id‑dokument, li huwa ispirat mir‑rakkont tad‑dixxipli ta’ Emmaws mill‑Evanġelju ta’ San Luqa,  jelenka erba’ prijoritajiet ewlenin għall‑Knisja: li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li toħrog bla biża’ biex ixxandar il‑Bxara t‑Tajba.

L‑Arċisqof Scicluna sejjaħ lill‑entitajiet kollha tal‑Knisja f’Malta – parroċċi, kongregazzjonijiet reliġjużi, skejjel, movimenti tal‑lajċi, familji u oħrajn – biex ikunu parti minn dan it‑tiġdid tal‑Knisja. Qal li t‑tiġdid li qed ikun propost mhux xi ħaġa li se tkun “imposta” minn fuq għal isfel, imma se jkun tassew proċess ħaj li jikber b’mod organiku fl‑aspetti kollha tal‑Knisja f’Malta.

L‑Arċisqof qal li “b’dan il‑mod, imdawlin u mmexxijin mill‑Ispirtu ta’ Alla, bħala poplu pellegrin inkomplu niktbu l‑istorja tal‑Knisja f’pajjiżna li bdiet bil‑miġja fostna ta’ Missierna San Pawl, li lejh nibqgħu dejjem grati. Nitolbuh jidħol għalina, għall‑Knisja f’Malta u għal pajjiżna.”