Filmat: “Il-politika m’għandhiex tindaħal fil-ġustizzja”

Il-Kanonku Simon Godfrey qal li l-politika m’għandhiex tindaħal fil-ġustizzja.

Dan intqal mill-Kanċillier tal-Pro Katidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta fir-riflessjoni biblika tiegħu waqt is-servizz ekumeniku fi tmiem il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara.

Godfrey spjega li kull sena, Knisja indiġena differenti tintalab biex tipprovdi t-tema għall-ġimgħa ta’ talb għall-unità tal-Insara. Din is-sena wara sentejn ta’ riflessjoni kien imiss lill-Indoneżja. Is-sena d-dieħla jmiss lil Malta. It-tema li għażlet l-Indoneżja kienet dwar il-ġustizzja.

Godfrey qal li xtaq jisma’ l-kliem ta’ għerf tal-Arċisqof dwar is-suġġett peress li huwa avukat u l-promotur tal-ġustizzja. Issa huwa wkoll is-segretarju tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-fidi. Hu faħħar lill-Arċisqof għall-kapaċitajiet straordinarji li għandhu.

Godfrey tkellem dwar kif l-indiċi tal-perċezzjoni tal-korruzzjon tal-2018 ikklassifika lill-Indoneżja fis-96 post minn 175 pajjiż. Malta kienet fis-46 post filwaqt li r-Renju Unit kien fit-8 post.

Żied jgħid li wieħed jista’ japprezza li f’pajjiż ta’ 265 miljun fejn hemm biss 12% tal-popolazzjoni li huma Insara, il-kwistjoni tal-ġustizzja xorta hija priorità fl-imħuħ tan-nies.

Tkellem dwar kif huwa tat-tħassib għal dawk il-pajjiżi li jħaddnu l-ġustizzja ta’ Alla li l-ġustizzja tiġi ppolitiċizzata. Skont Godfrey, għalkemm bħalissa hemm qafas għal rappreżentanza presidenzjali fis-sistema demokratika b’aktar minn partit wieħed l-Indoneżja xorta kienet meqjusa bħala demokrazija inkompluta fl-2017. Qal li jinsab ċert li dan il-kuntest kellu influwenza fuq l-għażla tat-tema tal-ġimgħa ta’ talb.

Godfrey sostna li huwa d-dmir tagħna li nkomplu biċ-ċiklu ta’ talb u impenn lejn il-ġustizzja, ħniena, u unità li jipproteġu lill-insara quddiem il-korruzzjoni u l-inġustizzja.

Qal li t-talba tal-kongregazzjoni għandha tkun li l-politika tibqa’ separata mill-ġustizzja, u li l-ġustizzja imparzjali u bbażata fuq l-imħabba ta’ Alla tinfed kull livell tas-soċjetà sabiex il-politiċi fl-Indoneżja, f’Malta, u fir-Renju Unit jibqgħu barra mill-ġustizzja.