Filmat: L-Arċisqof f’Ħamis ix-Xirka jitlob għall-ħaddiema fl-isptarijiet

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna talab għall-ħaddiema kollha fl-isptarijiet. Huwa semma lil dawk li qed jagħtu sehmhom fl-isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex jikkuraw lill-pazjenti. Qal ukoll li l-ħsieb tiegħu jmur anke lejn dawk fl-isptarijiet kollha, djar tal-anzjani, sptarijiet ta’ rijabilitazzjoni u fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Tul din il-Quddiesa li saret fil-Kurja tal-Arċisqof, fil-Furjana, l-Arċisqof Scicluna talab ukoll għall-vokazzjonijiet kemm għall-ħajja saċerdotali kif ukoll għaż-żwieġ Nisrani.

Fl-Omelija huwa qal li qed jIddedika l-quddiesa biex tkun għajn ta’ faraġ għal kulħadd f’dawn iċ-ċirkostanzi preżenti bl-imxija tal-coronavirus. Huwa tkellem dwar is-sinifikat li l-Knisja tiċċelebra llum f’Ħamis ix-Xirka meta Ġesú waqqaf is-saċerdozju permezz tal-kliem “Għamlu dan b’tifkira tiegħi”.

Stqarr li għalkemm is-saċerdoti mhumiex f’pożizzjoni li jiċċelebraw il-Quddiesa kif isir is-soltu, qed issir stedina lill-poplu biex jingħaqad magħhom b’mod spiritwali permezz tal-komunikazzjoni soċjali.

Huwa talab biex ma jkunx fil-bogħod il-jum li fih nerġgħu niċċelebraw l-Ewkaristija flimkien u permezz tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni nkunu nistgħu nqerru u nagħmlu tqarbina kif jixraq.