Filmat: Ħadd m’għandu jiskappa l-konsegwenzi ta’ għemilu – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li ħadd m’għandu dritt jiskappa l-konsegwenzi tal-għemil tiegħu. Mons. Scicluna qal dan waqt l-omelija fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Kristu Re fil-Konkatidral fil-Belt Valletta, fejn talab ukoll biex “il-Mulej jeħlisna minn min juża s-setgħa tal-istat għall-vantaġġ personali tiegħu, minn min jaħseb li hu fuq kulħadd u li l-ebda liġi ma tgħodd għalih”.

Mons. Scicluna semma t-tentazzjoni li bl-użu tal-poter wieħed jispiċċa jidħak b’min hu batut, għax il-poter ikun għalihom mezz ta’ qligħ waqt li ma jħarsu lejn ħadd u xejn. Żied jgħid li ħafna drabi ninsew is-sens veru tal-ġustizzja, “mibnija fuq il-verità, fuq is-saltna tad-dritt, fejn kulħadd jieħu li ħaqqu”. Irrimarka li l-esiġenzi tal-ġustizzja m’għandniex ninsewhom f’isem is-sewwa, f’isem id-dinjità, bħala soċjetà, nazzjon u pajjiż.

L-Arċisqof qal li l-mistoqsija li jixtieq jagħmel lill-pajjiż hija – Anqas minn Alla int ma tibża’? Kompla jgħid li l-ġudizzja u l-ħniena huma ta’ Alla biss u li l-kundanna u l-qtil tal-innoċenti huwa dejjem inġust.

Stqarr li “meta aħna ninsew lil Alla u minfloku npoġġu l-flus bħala alla tagħna u l-idoli l-oħra kollha, neqirdu lilna nfusna”. Sostna li jekk ma naqblux ma xi ħadd jew xi ħaddi kun skomdu għalina, xorta ma jistħoqqlux li jmut.”Is-serħan tagħna jrid ikun fuq il-ħniena u l-grazzja u l-imħabba ta’ Alla”, kompla jfisser.

Filwaqt li s-soltu jkun hemm mixja ta’ fidi lejn il-Konkatidral, din is-sena ċ-ċelebrazzjonijiet bdew mill-ewwel fil-Konkatidral. Dan hekk kif li l-mixja ta’ fidi kellha titħassar minħabba l-maltemp. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Kristu Re bdiet bit-talba tar-rużarju quddiem Ġesù espost. Hemm ingħatat il-Barka Sagramentali. Wara tkantat it-Talba tal-Għasar.