Filmat: “Għandna nwarrbu l-allat foloz inkluż il-likes fuq Facebook” – l-Arċisqof

Knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna appella biex inwarrbu l-allat foloz ta’ din id-dinja inkluż kemm ikollna likes fuq Facebook.

Huwa qal dan waqt il-quddiesa tal-Griżma li ssir kull sena f’Ħamis ix-Xirka filgħodu. F’din iċ-ċelebrazzjoni, l-Arċisqof bierek iż-żjut imqaddsa li matul is-sena jintużaw għall-amministrazzjoni tas-sagramenti.

Dwar is-salmi li nqara fil-liturġija tal-lum, l-Arċisqof qal li għandna nħarsu lejn il-Mulej bħala s-salvatur tagħna. Ħeġġeġ biex inwarrbu l-allat foloz, inkluż il-ftaħir żejjed tal-bnedmin bħalma huma l-likes fuq facebook. Spjega li dan għandna nagħmluh għaliex bħala bnedmin dgħajfa għandna bżonn lill-Mulej għas-salvazzjoni tagħna.

L-enfasi ta’ din iċ-ċelebrazzjoni huwa fuq l-għaqda li Ġesù xtaq li jkun hemm bejn dawk li jemmnu fih, b’mod speċjali dawk li ġew afdati biex ikomplu l-ħidma tiegħu. Kien għalhekk li f’diversi mumenti waqt l-Omelija, l-Arċisqof appella lis-saċerdoti biex iqisu lilhom infushom bħala qaddejja tal-Mulej.

Waqt li indirizza lil għadd ta’ saċerdoti u reliġjużi miġbura fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof qal li huma kellhom l-għażla tal-ħniena ta’ Alla li jħares lejn l-umanità li dejjem għandu bżonn qaddejja tiegħu u tal-poplu.

Tkellem ukoll dwar “il-bżonn radikali” li l-Insara jħossuhom fqajrin quddiem Alla u mhux iħossuhom imkabbrin.

Spjega li t-talba ta’ San Ġorġ Preca “Sinjur Alla jiena għandi bżonnok”, tgħodd għas-saċerdoti kollha. Hawnhekk, l-Arċisqof staqsa jekk hux qed isir it-talb għax qal li bħal donnu sar lussu li titlob.

Knisja.mt/ritratti

F’din il-Quddiesa s-saċerdoti ġeddu l-wegħdiet tal-ordinazzjoni saċerdotali tagħhom, b’tiġdid ta’ impenn tal-għaqda bejniethom u mal-isqof tagħhom. Fiha wkoll tbierku ż-żjut tal-morda u tal-katekumeni, u jiġi kkonsagrat iż-żejt, mħallat bil-fwejjaħ, tal-griżma. Dawn iż-żjut jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti matul is-sena, sa Ħamis ix-Xirka ieħor. Iż-żejt tal-griżma jintuza wkoll waqt l-ordinazzjoni ta’ saċerdoti u isqfijiet u fil-konsagrazzjoni ta’ knejjes jew altari.

Illejla mbagħad issir it-tifkira solenni tal-ikla tal-Mulej. Wara l-quddiesa, bħalma jsir fil-parroċċi kollha, l-Arċisqof Scicluna jpoġġi s-Sagrament lejn l-Artal tar-Repożizzjoni, fejn is-Sagrament jinżamm għall-qima tal-Insara.

Is-servizz ta’ live streaming kien ipprovdut mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof – www.knisja.mt.