Filmat: “Kieku jkollna nħallsukom nispiċċaw bid-deficit” – L-Arċisqof lis-sorijiet

L-Arċisqof irringrazzja lis-sorijiet tal-ħidma tagħhom filwaqt li bit-tbissima qalilhom li kieku kellhom iħallsu lis-sorijiet ta’ xogħolhom kienu jispiċċaw b’deficit. L-Arċisqof spjega kif meta tonqos soru minn xi mkien u l-Knisja jew l-istat ikollhom joffru s-servizz, japprezzaw mhux biss kemm qalbhom tad-deheb iżda li jiswew id-deheb.

Huwa spjega s-sorijiet ta’ karità kienu preżenti kull fejn kien hemm bżonn, kemm f’Malta kif ukoll madwar id-dinja. L-Arċisqof kien qed jiċċelebra l-quddies fl-okkażjoni mill-150 sena tal-miġja tas-Sorijiet tal-Karità f’Malta fil-Konkatirdal ta’ San Ġwann, Belt. Fi kliem l-Arċisqof din hi ċelebrazzjoni ta’ 150 ta’ attiviżmu feminili fil-Knisja u l-Arċidjoċesi tagħna.

Scicluna kompla jispjega kif tkellem mal-Madre Generale dwar il-bżonn ta’ iktar vokazzjonijiet, hekk kif din hi neċessità. Huwa saħaq li ħafna nisa taw ħajjithom bħala Sorijiet tal-Karità quddiem ir-realtajiet ta’ faqar li kien hemm 150 ilu kif ukoll il-faqar li baqa’ jiżviluppa. L-Arċisqof sostna li kull progress iġib miegħu d-dellijiet tiegħu, iżda l-Mulej jipprovdi qlub ġenerużi.

‘Li titħabat għall-ġustizzja soċjali mhux telf taż-żmien’

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li mhux telf taż-żmien li nisrani jitħabat għall-ġustizzja soċjali, għall-progress, għad-dinjità tal-bniedem u għall-ugwaljanza bejn is-sessi.

L-Arċisqof spjega lil dawk preżenti li hekk kif qed tingħata bidu s-sena ġdida liturġika, qed nissieħbu fl-għajta li nistiednu l-Ġesu jiġi. Huwa spjega li din is-sejħa għandha sinjifikat profond, hekk kif beda l-istaġun tal-avvent. Huwa sostna li ħafna jinsew li l-Milied l-ewwel nippreparaw għalih umbgħad niċċelebrawh. L-Arċisqof spjega li l-għajta biex il-Mulej jiġi mhix biss storika iżda tibqa’ għajta attwali li baqgħet mal-Knisja tul is-sekli. Spjega kif tmiem mhux tmiem mingħajr futur iżda transformazzjoni filwaqt li kompla jgħid li din it-transformazzjoni wieħed qed jaħdem għaliha u jaħdem flimkien ma’ Alla waqt ħajtu. Scicluna kompla jispjega li wieħed ma għandux jistenna l-miġja tal-Mulej bħala destin għax dan ikun qed iffisser li wieħed ikun qed jistieden l-għażż u rasenjazzjoni. L-Arċisqof fakkar li bil-ħidma li aħna nwettqu tkun qed tinbena s-saltna ta’ Alla li ġejja.

L-Arċisqof sostna li huwa jammira lil nies li forsi ma jħaddnux il-fidi iżda qed jitħabtu għall-progress ġust tal-umanità u li jixtiequ jaraw id-dinja trasformata.