Filmat: ‘J’Alla jkollna sena tajba, imma rridu nagħmlu l-parti tagħna’ – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna wera x-xewqa li s-sena 2021 tkun waħda tajba, imma fakkar fir-responsabbiltà li għandu kulħadd, billi qal, “imma rridu nagħmlu l-parti tagħna.” Dan l-Arċisqof qalu b’referenza għall-pandemija, għaliex qal li deċiżjonijiet bħal jekk niħdux il-vaċċin jew le, jew jekk nimxux mar-restrizzjonijiet jew le, jesprimu kemm inħaddnu l-għożża, il-ħniena u l-imħabba lejn il-proxxmu tagħna.

Dan kien kliem l-Arċisqof fl-omelija li ta, hu u jiċċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr għas-sena li għaddiet fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta llejla. Mal-Arċisqof qaddes il-quddiesa, ukoll bil-kant tat-Te Deum, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi.

Dwar l-imxija tal-coronavirus, l-Arċisqof qal li din hi sitwazzjoni tassew ikkumplikata, għaliex meta l-vaċċin ġabilna t-tama, tfaċċa l-varjant li donnu qatgħalna qalbna mill-ġdid. Madankollu, huwa appella biex naddottaw is-Salm Responsorjali tal-quddiesa tal-lejla, u lil Alla nitolbuh iħenn għalina u jberikna. Dan, iżda, ma jsirx minn Alla waħdu, imma għandna ngħinu lilna nfusna wkoll. L-Arċisqof fakkar li ‘l quddiem, se jkollna nagħtu kont tal-mod kif għexna r-responsabbiltà lejna nfusna u lejn xulxin.

Fis-sena li ġejja, l-Arċisqof appella biex inkunu solidali ma’ xulxin, għaliex ħadd mhu se joħroġ minn din il-burraxka waħdu, imma jeħtieġ li nagħmlu li nistgħu biex inħarsu s-saħħa ta’ xulxin.

“Ġie biex jillustra x-xbieha tiegħu li tappanna aħna”

Lil hinn minn dan, l-Arċisqof irrifletta fuq l-isem Ġesù, billi fl-Evanġelju ntqal kif meta wasal it-tmien jum mit-twelid tiegħu, Marija u Ġużeppi, semmew lil bin Alla Ġesù, l-isem li kien tah l-Anġlu Gabrijel qabel tnissel fil-ġuf. L-Arċisqof spjega li dan l-isem huwa wieħed attwali u li jfisser ħafna, għaliex ifisser “Alla jsalva” bl-Aramajk. Għaldaqstant, l-isem jirrifletti l-missjoni ta’ din it-tarbija.

“Alla ried jiċċappas magħna,” fiehem l-Arċisqof, għax l-isem Emmanuel ifisser “Alla magħna,” u dan juri l-veru qrubija ta’ Alla lejn il-bnedmin, minkejja n-nuqqasijiet u dgħufijiet kollha tagħhom. “Ma stmerrniex, lilna li ħalaqna fuq ix-xbieha tiegħu. Ġie biex jillustraha għax ittappnet, tappannieha aħna,” żied jispjega Mons. Scicluna.

Għaldaqstant, l-appell finali tal-Arċisqof kien li jeħtieġ li nintrefgħu mill-egoiżmu u minn dak kollu li jgħassarna. Hu appella wkoll biex meta nitolbu, ngħidu t-talba li għallimna San Ġorġ, “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok,” u “Nilqgħu lill-Mulej li b’risposta għall-bżonn, jgħidilna llum twildilkom Salvatur,” temm jgħid l-Arċisqof.