Filmat: Lill-Papa se ngħidlu li f’Malta hawn Knisja ħajja tistennieh – Il-Kardinal Grech

Il-Kardinal Mario Grech qal li mal-wasla tiegħu f’Ruma, se jgħid lill-Papa Franġisku li f’Malta hawn Knisja ħajja tistenna li tilqgħu b’dirgħajha miftuħa.

B’dan il-kliem huwa temm l-omelija tiegħu fil-quddiesa li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann illejla b’radd il-ħajr għall-ħatra tiegħu bħala l-ewwel Kardinal Malti.

Fir-riflessjonijiet tiegħu fuq l-Evanġelu, il-Kardinal Grech staqsa min minna ma jgħaddix minn waqtiet li fihom iħossu mifluġ, u semma mumenti diversi – meta wieħed iħoss il-piż tal-familja, tal-mard, tat-tmexxija, tas-solitudni jew tal-ħolm. Madankollu, fl-Evanġelju moqri f’din il-quddiesa, Ġesù għandu l-istedina, “Ejjew għandi intom li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien inserraħkom.”

F’dal-kuntest iżda, spjega l-Kardinal, Ġesù qed jitkellem mill-madmad reliġjuż. L-eks Isqof t’Għawdex irrifletta fuq kif ir-reliġjon sikwit titgħabba bil-madmad li hu l-liġi, u ħafna jiżbaljaw meta jħarsu lejha bħala l-liġi biss, għax “il-liġi ma tibdilx il-qalb; billi l-liġi tipprojbixxi u tikkundanna, flok tħeġġeġ u tistimula, tnissel terrur minn Alla.” Skont il-Kardinal, Ġesù jgħid li d-dixxiplu tiegħu mhux dak li joqgħod għal Alla billi josserva l-liġijiet, imma dak li jsir jixbah lill-Missier billi jħobb bħalu.

Il-Kardinal qabel il-quddiesa

Il-Kardinal Grech tkellem fuq l-importanza tal-fidi vera u wera tħassib fuq kif “ħafna jafu n-normi reliġjużi mingħajr ma kellhom esperjenza ta’ Kristu.” Ġab eżempju b’nies li l-esperjenza tagħhom ta’ Kristu hi limitata għad-duttrina, jew oħrajn li jħarsu lejn il-Knisja bħala l-gwardjana tal-etika. Hekk, qal il-Kardinal, ikollna reliġjożità u mhux reliġjon.

Sakemm isir il-proċess meħtieġ, fil-fehma tal-Kardinal, idumu ma jibdew jidhru l-effetti u l-mixja aktarx tkun imċajpra, bħal donnu l-Vanġelu mhuwiex iħalli sinjali.

Waqt il-quddiesa

Il-Kardinal, iżda, qawwa qalb il-Maltin u qal li jara ħafna tajjeb fi qlubhom. Wera kburija li jagħmel parti mill-Knisja Maltija, dik li sawritu.

Huwa stqarr li ftit ġimgħat ilu, l-Arċisqof qallu biex ma jinsa qatt li huwa wild il-Knisja li waqqaf Pawlu. Huwa temm l-omelija billi qal, “B’għożża kbira nsellmilkom bil-kliem tal-Qaddis Ġwanni Pawlu II, fi tmiem l-ewwel żjara li għamel fostna qabel ma telaq qalilna: jien sejjer Ruma u lil Pietru ngħidlu li l-Knisja li waqqaf Pawlu għadha vibranti. Hekk ukoll se nagħmel jien: meta niltaqa’ ma’ Pietru tal-lum, Papa Franġisku, ngħidlu li hawn f’pajjiżna hawn Knisja ħajja. Hawn poplu li qed jistenniek bil-ħerqa biex jilqgħek b’dirgħajh miftuħa.”

Flimkien mal-Kardinal, iċċelebraw il-quddiesa l-Arċisqof Charles Scicluna, in-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, l-Isqof Emeritu ta’ Garissa Pawlu Darmanin OFM Cap, il-Vigarju tad-Djoċesi ta’ Għawdex Mons. Tarcisio Camilleri u Mons. Eddie Zammit.