Filmat: ‘M’intix waħdek’ messaġġ għas-sena kollha – Arċisqof

Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna sosnta li meta wieħed jgħin lill-proxxmu jkun qed jgħaddi l-messaġġ “m’intix waħdek, aħna qiegħdin miegħek, la tibżax”. Qal li dan il-messaġġ għandu jiġi mgħoddi matul is-sena kollha.

Dan qalu lit-tfal waqt l-omelija tal-Quddiesa għall-istudenti tal-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, fil-bidu tal-kampanja ‘Milied Flimkien’, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

L-Arċisqof semma kif l-istess tfal kienu se jippreżentaw offerta sabiex huma wkoll jgħinu lill-Malta Community Chest Fund. Sostna li bl-għotja tagħhom, dawn it-tfal se jkunu qed jgħidu “il-Mulej magħkom” lil dawn il-persuni. Mons. Scicluna spjega kif iħoss il-Mulej miegħu meta jiltaqa’ ma’ nies li jixtiequlu l-ġid u jħobbuh. 

L-Arċisqof spjega li fi żmien il-Milied ħafna nies ikunu ġenerużi, iżda hemm bżonn li nagħmlu xi ħaġa iktar profonda u nagħmlu kuraġġ lil xulxin.