Filmat: L-Arċisqof b’quddiesa għal ruħ Daphne Caruana Galizia

Posted by Repubblika on Friday, October 16, 2020

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qed jiċċelebra l-quddiesa tal-lum għal ruħ Daphne Caruana Galizia li ġiet maqtula brutalment ftit metri ‘l bogħod mid-dar tagħha fil-Bidnija limiti tal-Mosta.

Il-quddiesa saret fil-Knisja tal-Familja Mqaddsa, il-Bidnija, f’għeluq it-tielet anniversarju mill-qtil tal-ġurnalista.

Fl-omelija, l-Arċisqof tkellem dwar il-maħfra, il-ġustizzja u d-dover tal-memorja, u kkwota partijiet mill-enċiklika riċenti tal-Papa Frangisku Fratelli Tutti.

Il-Papa qed jgħidilna li tkun inġustizzja ma’ Daphne li ninsewha. Imma daqstant ieħor tkun inġustizzja mal-memorja tagħha jekk aħna nitilfu d-dinjità tagħna minħabba r-rabja tat-telfa u minħabba d-dulur. Infittxu l-ġustizzja fil-verità u fl-istess ħin nirrispettaw id-dinjità tagħna billi nesiġu li kulħadd jiġi ttrattat sew u bil-ġustizzja, imma bil-verità.

L-Arcisqof qal li l-kelma tal-Papa tinterpella l-kuxjenza tagħna, inkluż dawk li qed imexxu l-istituzzjonijiet, speċjalment l-awtoritajiet li qed jinvestigaw l-assassinju ta’ Caruana Galizia u l-kuntest li fih twettaq l-assassinju.

Aħna wkoll għandna d-dover nissieltu biex tirbaħ il-verità u biex l-ambjent li ppermetta li xi ħadd jaħseb li għandu d-dritt jelimina fiżikament avversarju tremend, bħalma kienet Daphne, jispiċċa. Allaħares jibqa’ fostna dak il-velenu ta’ impunità, ta’ arroganza sottili li jġagħalna naħsbu li għandna l-poter fuq il-ħajja ta’ xi ħadd, skomdu kemm hu skomdu. Il-Mulej jagħtina l-għerf biex nifhmu l-kelma tal-Papa fiċ-ċirkustanzi attwali tagħna u ma ninsew qatt.

Aktar kmieni l-Arċisqof żar is-sit li fih inqatlet Daphne u għamel mument ta’ talb fis-skiet.