Filmat: ‘Kunu bnedmin li ssegwu d-dixxiplina imma tinsewx ir-rispett’ – L-Arċisqof

Read in English.

L-appell tal-Arċisqof Charles Scicluna lis-suldati kien sabiex filwaqt li jkunu bnedmin li jsegwu d-dixxiplina, ma jinsewx ir-rispett. Dan qalu hu u jiċċelebra l-Quddiesa f’Jum l-Armata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

L-Arċisqof silet l-eżempju taċ-ċenturjun li għex mal-2,000 sena ilu. Qal li dan, minkejja li kien pagan, xorta wera fidi kbira f’Ġesù u talbu għall-fejqan tal-qaddej tiegħu. Qal li wieħed jista’ jkun uffiċjal tal-armata u jemmen. Ma hemmx bżonn li dak li jkun jinża’ l-fidi tiegħu barra mill-barracks. Sostna li filwaqt li dan iċ-ċenturjun jifhem li huwa bniedem ta’ dixxiplina ma neshiex x’inhu rispett. Qal li ċ-ċenturjun tant kellu rispett għall-qaddejja tiegħu, li għamel vjaġġ lejn fejn kien Ġesù biex il-qaddej tiegħu ifieq.

Hu stieden lill-membri tal-armata sabiex jimitaw liċ-ċenturjun it-tajjeb u jieħdu ħsieb lil xulxin. Qal li bosta li jispiċċaw f’sitwazzjonijiet fejn jiġu trattati ħażin, jaħsbu li għandhom dritt jitrattaw ħażin lil ħaddieħor. Qal li “min hu vera raġel, jagħmel stonku xieref u ma jgħaddix lill-oħrajn dak li jgħaddi minnu hu.”

“Il-membri tal-armata għandhom irwol bħal ta’ Anġlu Kustodju”

L-Arċisqof kkumpara lill-membri tal-Forzi Armat Maltin mal-Anġli Kustodji. Qal li Anġlu Kustodju huwa spirtu magħżul minn Alla biex ikun messaġġier tal-ispirazzjonijiet tiegħu u jmexxi lill-bnedmin fit-triq it-tajba. Qal li dan huwa simili għall-irwol tal-armata, hekk kif il-membri tagħha jinsabu hemm biex iħarsu t-territorju tal-pajjiż fejn ikun hemm bżonn.

Huwa awgura u rringrazzja lill-armata talli f’diversi sezzjonijiet hija ta’ servizz għas-sikurezza tal-pajjiż, għas-servizz umanitarju fuq l-ibħra u anke meta jiġru inċidenti kbar u jkun hemm bżonn għajnuna speċjalizzata.