Filmat: Il-Papa jħeġġeġ għall-waqfien mill-ġlied minħabba l-coronavirus

Aġġornat 09:46 PM

Read in English.

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ biex jieqfu l-gwerer madwar id-dinja kollha, l-istess appell li għamel is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres biex id-dinja tiffoka fuq il-pandemija tal-coronavirus.

Waqt l-Angelus tal-Ħadd mill-Vatikan, il-Papa Franġisku semma b’mod partikolari l-konferenza tal-aħbarijiet tat-Tnejn li għadda fejn Guterres għamel dan l-appell.

Bħalma qed jagħmel kull ġimgħa, il-Papa għamel din it-talba mil-librerija tal-uffiċċju Papali flok mit-tieqa li tħares lejn Pjazza San Pietru. Dan fi sforz biex jitnaqqsu l-follol anke fil-Vatikan.

Il-Papa qal li dan il-virus m’għandux fruntieri u għalhekk appella lil kulħadd biex iwaqqfu l-ostilità u jiftħu kurituri ġodda b’għajnuniet umanitarji u sforzi diplomatiċi u attenzjoni lil dawk li jsibu rwieħhom f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

Aktar minn 675,00 persuna ġew infettat bil-coronavirus madwar id-dinja kollha b’aktar minn 30,000 persuna mietu kawża tal-infezzjoni.

Madwar terz tal-imwiet seħħew fl-Italja meta s-Sibt l-imwiet qabżu l-10,000 persuna, xi ħaġa li għamlet l-estensjoni tal-lockdown kważi ċerta.

Fil-Vatikan hemm sitt każijiet ikkonfermati bil-kelliem Matteo Bruni jgħid li t-testijiet bdew isiru wara li qassis ħareġ pożittiv għall-virus. Bruni qal ukoll li l-Papa flimkien mal-kollaboraturi qrib tiegħu m’għandhomx dan il-virus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn