Assassinju Daphne: Għexieren ta’ kaxxi ta’ evidenza ppreżentati l-Qorti

03.30pm: Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tkompli fil-11 ta’ Ottubru fl-10.30am.

03.15pm: Eżibita l-evidenza ta’ oġġetti li ġew elevati minn fuq il-ġisem tal-ġurnalista fil-kamra mortwarja.

3.05pm: Jinfetħu l-kaxex tal-evidenza li nġabret minn fejn waqfet il-karozza wara l-isplużjoni, fosthom xi ħadid u borża tal-plastik b’xi debris.

2.55pm: Ippreżentati fdalijiet umani f’petridish fost l-evidenza li għadha qed tinħareġ mill-kaxex tal-evidenza.

2.30pm: Fost l-evidenza kien hemm ritratti mill-Europol, materjal li nġabar minn fuq it-tarmakk fit-triq fejn seħħet l-isplużjoni, biċċiet ta’ wires, boroż tal-karti li minnhom fihom ukoll xi kontenut, biċċiet ta’ splussivi, biċċiet mil-karozza fost bosta oħrajn.

1.35pm: Il-Maġistrat titlob lill-esperti jiftħu l-kaxex tal-evidenza sakemm il-Qorti tistenna lill-akkużati jirritornaw fl-awla.

1.20pm: L-akkużati joħorġu mill-awla u tittieħed pawsa qasira oħra.

1.12pm: Tliet esperti mil-laboratorju tal-forensika qed jiddeskrivu l-evidenzi kollha li qed jippreżentaw quddiem ill-Qorti kaxex kontra kaxex ta’ evidenza li ilha fil-Qorti minn mindu l-kumpilazjoni kienet waqfet għal pawsa qasira.

01.01pm: Il-Maġistrat irrifjutat din it-talba hekk kif il-Qorti bħalissa hija nkarigata milli tiġbor l-evidenza.

12.43pm: Id-difiża argumentat li l-esperta min-Netherlands, bl-isem ta’ Doris Eerhart, ma kinitx dik appuntata mill-Qorti u għaldaqstant talab sabiex r-rapport tagħha fuq il-mowbajl maħruq jitneħħa mill-evidenza. Min-naħa l-oħra, l-avukat li qed jirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia oġġezzjoni din it-talba u sostna li talba bħal din m’għandiex titressaq waqt kumpilazzjoni imma b’mod separat bħala talba quddiem il-Qorti Kriminali. Hu sostna li ma hemmx bżonn tkun espert biex titrasporta eżibiti u li jekk il-Qorti taċċetta din it-talba tkun qed twassal għal sitwazzjoni assurda tant li anke l-pilota, il-persuni li jitrasferixxu l-pakketti fl-ajruplan u l-crew jkollhom jibdew jiġu appuntati mill-Qorti.

12.28pm: Jixhdu issa l-Ispettur Charlot Casha flimkien ma xhud mill-ASF. L-ispettur Casha spjega li huma ġew ikarigati bil-ftuħ ta’ eżibit ġewwa l-bini tal-Qorti li kien mibgħut lill-ispettur, min-Netherlands, f’Novembru. Ġie spjegat li l-eżebit kien mowbajl maħruq.

12.25pm: Id-difiża tistaqsi jekk l-ispettur kienx jaf għal liema raġuni kellu jieħu l-vocal squabs u jekk intweriex mandat. L-ispettur jgħid li le u li mhux kompitu tiegħu li jarah.

12.11pm: L-istess spettur, spjega li ġie inkarigat biex jieħu għand il-Europol numru ta’ evidenzi li kienu għand il-Europol. Spjega li dawn ittieħdu fit-12 ta’ Marzu, madanakollu għad hemm x’jintbagħat il-Europol meta jkun hemm persuni kwalifikati biżżejjed bix jagħmlu r-riċerka neċessarja.

12.07pm: Jixhed l-ispettur Charlot Casha li ġie nkarigat biex fil-5 ta’ Diċembru 2017 intalab jieħu DNA u squabs ta’ Alfred Degiorgio u George Degiorgio. Spjega li ħa kampjun ta’ bżieq minn ta’ Alfred Degiorgio permezz ta’ tajjara. L-istess proċedura saret għal George Degiorgio, madanakollu rrifjuta li jiffirma d-dikjarazzjoni.

12.04pm: Jixhdu żewġ persuni inkarigati mit-trasportazzjoni ta’ evidenzi għall-osservazzjoni fin-Netherlands.

12.02pm: Tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda.

11.36am: Fil-Qorti tidħol għadd kbir ta’ evidenza f’kaxxi u boroż, minnhom fihom skart u weraq fost oġġetti oħra.

11.34am: Is-seduta tieqaf għal ftit minuti.

11.02am: Jixhed issa Dr Anthony Bonnici rappreżentant ta’ Go Plc li wkoll preżenta l-istess talba li saret mill-Melita. Jippreżenta CD u tliet dokumenti tat-talbiet li għamlu l-Pulizija. Jispjega li fl-ewwel dokument hemm tliet talbiet , dik ta’ cell tower data mad-dawra tal-Bidnija u l-viċinanzi bejn is-2pm u t-3.15pm fis-16 ta’ Ottubru. Jispjega li it-tieni dokument mill-15 ta’ Ottubru 9pm sas-16 ta’ Ottubru sa 1.59pm. Jispjega li l-ewwel żewġ talbiet tat-telefonati u l-SMS li ntbagħtu mil-bidnija li fih hemm kemm wieħed dam fuq il-linja, min ċempel jew bagħat l-SMS, min irċieva t-telefonata, u s-cell ID number. Dokument ieħor ippreżentat hemm il-mapep tas-cell IDs li ntalbu l-informazzjoni tagħhom.

10.50am: Tixhed issa Amelia Abela rapreżentanta ta’ Melita Plc li ntalbet tipproduċi u tippreżenti informazzjoni dwar telefonati u SMS, kif ukoll internet li saru fis-16 ta’ Ottubru fil-Bidnija li saru bejn is-2pm u t-3.15pm fis-16 ta’ Ottubru. Tispjega li hemm it-tieni dokument mill-15 ta’ Ottubru 9pm sas-16 ta’ Ottubru sa’ 1.59pm. Fihom ukoll serje ta’ imejls. Fis-CD se jkun hemml-informazzjoni dwar it-telefonati li saru. Tispjega li offrew cell tower data, jiġifieri d-dettalji fuq is-CD jinkludu d-dettalji ta’ kull persuna li għamlet użu mill-mowbajl li uża is-cell tower partikolari. Tispjega li s-cell tower speċifiku ntagħżel ibbażat fuq liema żoni ntalbu mill-Qorti.

10.41am: Jixhed l-espert Keith Cutajar, billi jesebixxi kopja tad-drives li kienu ppreżentaw il-Europol li fiha l-evidenza. Id-drives huma eżebiti u fihom 6 Terrabytes. Hu staqsa dwar l-SD card li kienet tħassret. Il-Maġistrat tistaqsi lid-difiża jekk sarx xi tip ta’ verbal. Id-difiża oġġezzjonat lill-Europol u sostniet li l-Europol mhix indipendenti imma hija parti mit-tim tal-Pulizija. L-espert spjega li l-Europol irreferew għal-laboratorji privati u sostna li jaħdmu independentament. Offra li joffri kuntatti tal-laboratorji privati minħabba l-SD card.

10.25am: Il-prosekuzzjoni jitolbu espert marittimu u espert tad-dgħajjes biex jaħdmu fuq din l-analiżi. Il-filmati kienu preżentati fil-Qorti wieħed mill-espert Keith Cutajar u l-ieħor mis-Surġent Emanuel Saliba. Huma qed jitolbu sabiex issir kumparazzjoni bejn id-dgħajsa li tidher fuq il-filmat bl-isem Maia, fid-data meta sar ir-reat, u dan wara li ġie rtirat mill-istess espert Keith Cutajar. Il-Qorti laqgħet it-talba u nnominat lill-espert Keith Cutajar biex flimkien mal-espert u l-kaptan Lanfranco jagħmlu l-analiżi u jiġu identifikati wkoll id-dgħajjes kollha li ħarġu u daħlu fil-ħinijiet ta’ bejn is-2.30pm u t-3.30pm tas-16 ta’ Ottubru.

10.15am: Jidher li hemm konfużjoni dwar liema analiżi li diġà saret. Il-Maġistrat titlob lid-difiża tikkontrolla ruħha. Il-prosekuzzjoni tispjega li pprovdiet stills mill-filmati, fejn id-dgħajsa tidher ħierġa u dieħla mill-port. Il-prosekuzzjoni titlob li jinħatar espert li jiddetermina jekk id-dgħajsa tas-16 ta’ Ottubru hix l-istess dgħajsa li tidher fit-22 ta’ Novembru.

10.11am: Il-prosekuzzjoni titlob sabiex jintwerew il-filmati tad-dgħajsa tal-Maia f’Ottobru u f’Novembru u jsir l-eżami min-naħa tiegħu. Il-filmati huma dawk li ttieħdu mis-16 ta’ Ottubru u ieħor fit-22 jew 23 ta’ Novembru. Dawn il-filmati huma meħuda minn Transport Malta.

10.10am: It-tliet akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jidħlu fl-awla

Illum qed tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Waqt l-aħħar kumpilazzjoni, il-Qorti semgħet kif ġisem il-ġurnalista kien biss identifikat wara li sar test tad-DNA, fix-xhieda tal-espert forensiku Mario Scerri.

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet assassinata b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru li għadda viċin id-dar tagħha fil-Bidnija. Il-Pulizija kienet arrestat għaxart irġiel b’rabta mal-assassinju li tlieta minnhom qed jiġu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista. It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio “il-Fulu”, ħuh George Degiorgio “iċ-Ċiniż” u Vince Muscat “il-Koħħu”.